Lokali

“Ix-xogħol fiz-zoni turistiċi għandu jsir bi pjan” – MHRA

“Għalkemm rajna żieda fin-numri, rridu nassiguraw li x-xogħol infrastrutturali jlaħħaq mad-domanda u jsir b’mod iktar ippjanat.”

Saħaq dan Tony Zahra, il-President tal-Assoċazzjoni tar-Restoranti u l-Lukandi, hekk kif indirizza l-MHRA Malta Hospitality Forum.

Hu spjega li dan hu Forum fejn fih il-Gvern u l-Oppożizzjoni jisimgħu lill-istake-holders u n-negozjanti kollha. Dan apparti li jkunu wkoll jistgħu jfemhu l-viżjoni tagħhom fejn jidħol dan il-qasam tant importanti.

Tony Zahra qal illi jiddispjaċih immens meta jara nuqqas ta’ pjanar li eventwalment jaffetwa kemm restoranti u anke lukandi; anke meta wieħed iżomm f’moħħu l-kwalità tat-turist li rridu li pajjiżna jattira.

Apparti min hekk, b’certu xogħlijiet qed jinħoloq ukoll  inkonvenejent, kemm għat-turisti u anke għar-residenti, f’okkażjonijiet bħal qtuħ ta’ dawl u żbroff ta’ dranaġġ.

Tony Zahra spjega li x-xogħlijiet huwa tajjeb li jibdew, madanakollu jrid li jsir pjan konkret ta’ meta u kif isiru dawn il-proġetti – speċjalment xogħlijiet li jsiru fil-’peak season’. B’riżultat li t-turisti jkollhom jgħaddu minn toroq maqluha u jesperjenzaw sfidi li ma jistennewx waqt il-vaganza tagħhom f’pajjiżna.

Intant f’dan l-istess Forum imtella’ mill-MHRA tkellem ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario De Marco illi fost l-oħrajn fuq il-proposta tal-Partit Nazzjonalista fejn tidħol carrying capacity. Dan wara li l-PN ser iniedi studji f’kull lokalità f’Malta u Għawdex sabiex ikun studjajt kemm jiflaħ kull post – minn turiżmu, sa bżonnijiet infrastrutturali.

Mario  De Marco spjega kif il-PN b’dawn il-proposti ser ikun qed jiffoka fuq it-turiżmu sostenibbli – turiżmu li jrendi aktar, mingħajr il-bżonn li jinħolqu piżijiet li jbatihom il-poplu u pajjiżna.  Dan apparti li tkellem ukoll dwar kif il-Partit Nazzjonalista ser ikun ukoll lest jaħdem mal-imprendituri sabiex jkunu jistgħu joffru l-aqwa servizz possibbli.