L-attivisti li qed jimbuttaw il-petizzjoni dwar Manoel Island qalu li ħadu nota tal-kummenti li għamel il-Prim Ministru fi tmiem il-ġimgħa dwar Manoel Island, fejn iddefenda u faħħar il-pjanijiet tal-MIDI biex jinbnew mijiet ta’ appartamenti lussużi u ħwienet kummerċjali fuq is-sit, u ddeskrivihom bħala “mudell” għall-iżvilupp futur ta’ Malta.
Iżda huma fakkru li mill-inqas 29,000 resident Malti jqisu l-preservazzjoni ta’ dan l-ispazju miftuħ bħala kruċjali għas-saħħa mentali u fiżika tagħhom u għall-futur ta’ Malta. “L-intensifikazzjoni tal-popolazzjoni, l-attività kummerċjali u l-konġestjoni tat-traffiku se tkompli tnaqqas il-kwalità tal-ħajja f’din iz-zona”, qalu fi stqarrija.
Huma insistew li l-MIDI naqsu milli jilħqu d-data ta’ skadenza tal-2023 u m’hemm l-ebda dubju li mhux se jilħqu dik tal-2026.
L-ewwel masterplan għal Manoel Island ġie sottomess mill-MIDI fl-2017, u għalhekk l-estensjoni ta’ 10 snin li qed jitolbu hija impossibbli biex tiġi ġġustifikata. Bl-istess mod, diffiċli biex jiġi ġġustifikat id-dewmien minħabba skoperti arkeoloġiċi.
L-attivisti jaqblu mal-Prim Ministru Abela li huwa possibbli li tinstab soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd jekk il-partijiet kollha jersqu b’moħħ miftuħ u rieda tajba biex jinnegozjaw. “Fejn ma naqblux mal-Prim Ministru huwa li tali soluzzjoni għandha tinkludi mijiet ta’ appartamenti lussużi”.
Fi stqarrija, huma fakkru li teżisti alternattiva.
“Aħna għalhekk insejħu lill-Prim Ministru Robert Abela biex iwettaq il-wegħda tiegħu li jiddiskuti u jinnegozja – iżda dawk id-diskussjonijiet għandhom isiru mal-MIDI f’isem il-pubbliku – mhux bil-maqlub”.
//= $special ?>