Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest mixli bi vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 35 sena minn Ħal Tarxien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li fil-festa tal-lokalità tiegħu – il-Lunzjata, fil-25 ta’ Mejju li għadda, fil-każin tal-istess Lunzjata għall-ħabta bejn id-9pm. u l-10.30pm, huwa hedded lill-eks sieħba tiegħu.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt huwa ġie mixli li ħebb għaliha mingħajr ma darabha, li waddab fuqha xorb alkoħoliku u li kiser il-paċi pubblika. Akkużi oħra li ffaċċja jirrisalu għat-23 ta’ Novembru li għadda fejn ġie mixli li f’Ħaż-Żabbar, ġewwa appartament huwa fera ħafif lill-eks sieħba tiegħu u li kissrilha l-mobile.

L-avukat Veronika Spiteri li dehret għall-akkużat, qalet li r-raġel għandu impieg fiss, indirizz residenzjali, kondotta nadifa, u li l-akkużi huma kollha kontravenzjonali, apparti l-akkużi li jmorru lura għal Novembru li għadda.

L-Avukat Spieteri qalet ukoll li ġejna f’sitwazzjoni fejn il-preżunzjoni tal-innoċenza ħarġet barra mit-tieqa u saret irrelevanti u li issa ġejna f’sitwazzjoni li l-preżunzjoni saret waħda ta’ ħtija u li wara rrid jiġi ppruvat l-innoċenza. Jekk wieħed jemmen fil-preżunzjoni tal-innoċenza, allura l-ħelsien mill-arrest għandu jkun in-norma u mhux l-eċċezzjoni. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.

L-akkużat ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. L-akkużat irid ikun id-dar sal-10pm u ma joħroġx qabel is-6am. Dan kien il-ħames pleġġ li ta f’sentejn il-Maġistrat Gatt f’sentejn kemm ilu f’din il-kariga.

L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni.