Knisja Lokali

L-Arċisqof jappella lill-imsieħba soċjali tal-MCESD sabiex jindirizzaw l-emerġenza ta’ housing affordabbli

Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

F’laqgħa tal‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l‑Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi flimkien mal‑Imsieħba Soċjali ddiskutew id‑dritt tal‑ħaddiema fis‑soċjetà Maltija.

Waqt il‑laqgħa, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta ddiskutiet ir‑rapport tagħha ‘Beyond GDP II ‑ Third Country Nationals in Malta: Sharing in our economic future or serving labour market interests?’ li ħareġ f’Diċembru li għadda. Dan jitfa’ dawl fuq l‑isfidi moħbija taċ‑ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta (TCN) waqt li qed jikkontribwixxu għat‑tkabbir tal‑ekonomija Maltija.

L‑Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar waħda mill‑problemi li qed jiltaqgħu magħha ċittadini ħaddiema Maltin u barranin, dik tal‑emerġenza ta’ housing affordabbli. Hu talab lill‑imsieħba soċjali kollha sabiex jagħmlu l‑almu tagħhom ħalli ż‑żgħażagħ Maltin u anke l‑barranin ikunu jistgħu jibnu futur b’dinjità. L‑Arċisqof semma kif il‑Knisja, flimkien mal‑Istat, waqqfet il‑Fondazzjoni għall‑Akkomodazzjoni Affordabbli, li toffri akkomodazzjoni soċjali bi prezzijiet iktar baxxi għal nies bi dħul baxx u medju.

Dwar il‑migrazzjoni, l‑Arċisqof Scicluna qal li biex il‑pajjiż jimplimenta politika dwar il‑migrazzjoni li tiżgura d‑dinjità ta’ kull ħaddiem, irridu niftakru fl‑għeruq tagħna, għaliex missirijietna stess kienu immigranti. Saħaq li l‑Knisja f’Malta qed tagħmel ħilitha biex tgħin komunitajiet Kattoliċi barranin f’Malta jħossuhom milqugħin fis‑soċjetà permezz ta’ sostenn pastorali u spiritwali. L‑Arċisqof saħaq li l‑preżenza sabiħa ta’ dawn ħutna tinħass sew fil‑parroċċi tagħna.

Il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Daniel Darmanin, spjega li dan ir‑rapport tal‑Knisja hu xhieda ta’ kemm l‑iżvilupp veru ma jitkejjilx bil‑kwantità jew bil‑ġid, iżda bil‑kwalità tal‑ħajja. Sostna li l‑profitt mhuwiex kollox fil‑ħajja u għalhekk hu importanti li dejjem jiġu rispettati d‑dinjità u l‑benesseri ta’ kull individwu.

Waqt din il‑laqgħa, bħala organu, l‑MCESD saħaq li l‑politika dwar iċ‑ċittadini minn pajjiżi terzi għandha tkun parti minn viżjoni nazzjonali aktar wiesgħa, ibbażata fuq ġustizzja, drittijiet u ppjanar responsabbli.

Id‑diskussjonijiet tal‑imsieħba soċjali inkludew il‑ħtieġa li s‑servizzi pubbliċi jkunu ppreparati biex ilaħħqu mal‑bidliet demografiċi li qed iseħħu, filwaqt li enfasizzaw l‑importanza ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u dinjitużi għal kulħadd. Ġiet ukoll imsemmija l‑ħtieġa li tiġi indirizzata b’mod konkret il‑kwistjoni tal‑akkomodazzjoni affordabbli, sabiex tingħata stabbiltà u ċertezza lil dawk kollha li jgħixu u jaħdmu Malta. L‑infurzar effettiv tal‑liġijiet u d‑diskussjoni dwar id‑dipendenza fuq ħaddiema barranin ġew identifikati bħala oqsma li jeħtieġu valutazzjoni matura u politika fit‑tul.

Min‑naħa tiegħu, iċ‑Chairperson tal‑MCESD, il‑Perit David Xuereb, saħaq li: “Irridu nfasslu politika ekonomika li mhux biss timxi maż‑żmien, imma li tħares il‑valuri. Malta tista’ u għandha tkun mudell ta’ kif nistgħu nsawru soċjetà li tagħti valur lill‑bniedem, mhux biss lill‑profitt. Irridu nifhmu x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu, mhux biss ekonomikament b’saħħtu, imma soċjalment ġust u uman. Huwa biss b’dan il‑mod li l‑Viżjoni 2050 tista’ verament tirnexxi.”

Fl‑aħħar nett, l‑MCESD saħaq li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta għandha rwol ċentrali fit‑trawwim tad‑djalogu soċjali. Il‑kollaborazzjoni kontinwa mal‑Knisja u l‑entitajiet tagħha hija meqjusa essenzjali biex jiġu indirizzati l‑isfidi ekonomiċi u soċjali tal‑lum, filwaqt li jiġu mħarsa l‑valuri u l‑ġid tal‑ġenerazzjonijiet futuri.