Lokali Parlament

L-art agrikola tal-gvern għandha tinħadem minn bdiewa ġenwini

Toni Bezzina, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-Parlament li l-art agrikola tal-gvern għandha tinħadem minn bdiewa ġenwini.

Toni Bezzina qal li l-ikbar ammont ta’ art agirkola hi propjetà tal-gvern fejn hemm diversi problemi li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u r-raħħala. Hu tkellem dwar il-clearances mill-Awtorità tal-Artijiet u qal li l-art tal-gvern qed tinkera bil-qbiela u għalhekk il-clearance trid tinkiseb mill-Awtorità tal-Artijiet biex isiru proġetti.

Hemm problema minħabba li l-clearances qed idumu biex joħorġu bil-konsegwenza li l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar jaqgħu.

Toni Bezzina kompla li għandu jkun hemm il-koordinazzjoni meħtieġa għaliex dan in-nuqqas qed iwassal għal problemi fuq il-bdiewa li japplikaw. Hu sostna li hemm aplikazzjonijiet għal stalel taż-żwiemel fuq artijiet tal-gvern li qed ikunu rifjutati u appella biex mal-ħażin ma jeħilx it-tajjeb.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-art agrikola tal-gvern għandha tkun ġestita mill-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd u mhux mill-Awtorità tal-Artijiet. Hu spjega li qed jinħarġu l-offerti għal art tal-gvern li jittieħdu mill-ogħla offerenti li mhumiex qed ikunu bdiewa ġenwini għaliex dawn il-bdiewa ma jaffordjawx iħallsu l-prezzijiet mitluba mill-Awtorità tal-Artijiet fl-offerti.

L-artijiet agrikoli għandhom ikunu separati minn dawk tal-gvern, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-bdiewa żgħażagħ li jidħlu fis-settur għandhom jingħataw biċċa art agrikola tal-gvern biex jibdew jaħdmu. Hemm avviż legali f’dan is-sens iżda jidher li dan mhux qed iseħħ.

Hu kkritika l-mod kif art f’Tal-Bebbux li se tingħata għall-iżvilupp f’ODZ għaliex din kienet qed tinħadem mill-bdiewa u issa ttieħdet mingħandhom biex se tmur għall-iżvilupp. Dan qed iseħħ anki f’Birżebbuġa.

Toni Bezzina semma’ l-art fil-Mellieħa fejn hemm l-impjant tat-trattament drenaġġ u appella biex jekk hemm art agrikola fiz-zona li qed tinaħdem, din ma titteħidx u jekk se jikber l-impatt allura tinstab art li mhjiex agrikola. Hu kkritika l-mod kif art oħra fis-Siġġiewi li kienet qed tinħadem mill-bdiewa ttieħdet minn Project Green biex sar proġett għall-passatempi.