Ċifri maħruġa llum mill-Eurostat jikkonfermaw kif għal xahar ieħor, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna kompliet tiżdied. U issa laħqet il-livell ta’ 2.6 fil-mija.
Din ir-rata għal Mejju tindika kif il-Maltin u l-Għawdxin qed jaffaċjaw prezzijiet ferm aktar għoljin, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti tal-ikel u x-xirja bażika li jixtru ta’ kuljum.
Meta wieħed iqabbel ma’ pajjiżi oħrajn, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta fil-livell ta’ 2.6 fil-mija hija ogħla minn dik tal-Irlanda, Spanja u l-Italja. Anke pajjiżi bħal Ċipru, is-Slovenja u l-Portugall għandhom prezzijiet ferm irħas minn pajjiżna.
Skont l-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika, l-Indiċi tal-Prezzijiet għal Malta immarka mhux biss rata ogħla minn Mejju ta’ sena ilu, iżda saħansitra rata ferm ogħla mill-medja Ewropea.
Mhux hekk biss. In-numri tal-Eurostat juru li filwaqt li f’pajjiżna l-Gvern mhu jagħmel xejn biex irażżan l-għoli tal-ħajja, fil-pajjiżi taz-Zona Ewro l-Indiċi tal-Prezzijiet nieżel ‘l isfel – tant li kien hemm tnaqqis minn 2.2 fil-mija f’April għal 1.9 fil-mija f’Mejju.
Il-PN ilu xhur sħaħ jinsisti biex il-Gvern jieħu azzjoni quddiem din il-kriżi, bil-Kap tal-PN Bernard Grech preżenta proposti ċari li minnhom igawdu direttament in-nies – fosthom li l-COLA ma tibqax tiġi intaxxata u li titneħħa wkoll it-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-overtime u l-part-time.