Lokali Qorti

Mhux ħatja li użaw il-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Luqa għall-prostituzzjoni

Koppja ġew illiberati minn akkużi li ppermettew biex il-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Luqa jintuża għal skop ta’ prostituzzjoni. Bernice Fenech ta’ 42 sena, li hija s-Segretarja tal-klabb; u Andre Attard ta’ 45 sena, li huwa barman fl-istess klabb; ma nstabux ħatja li ppemettew li l-post li jintuża għal skop ta’ prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali.

Huma lanqas ma nstabu ħatja li pprovdew ikel mingħajr liċenzja u li daqqew mużika mingħajr permess tal-Pulizija. Fenech kienet akkużata wkoll, iżda ma nstabitx ħatja, li bħala Segretarja ma eżerċitatx l-irwol tagħha biex tevita li jsir għemil bħal dan u bħala persuna li għandha l-liċenzja tal-ħanut ippermettiet lil Barman jagħmilha ta’ sostitut tagħha mingħajr liċenzja mill-Awtorità Regalotorja.

Il-każ kien jirrigwardja d-dati tat-13 u l-14 ta’ Settembru, 2023. Filmat li xxandar ta’ raġel u mara, li isimhom ma jistax jixxandar, kienu qed juru ed jagħmlu att sesswali fil-klabb. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, semgħet xhieda ta’ raġel, li kien mar l-ikla fil-klabb.

Dan qal li din kienet organizzata minn Mark Cachia Zammit, li jinsab għaddej minn kawża separata dwar dan il-każ u jinsab mixli li ġibed filmat ta’ raġel u mara, jagħmlu att sesswali fil-klabb u xerred il-filmat mingħajr il-kunsens tagħhom u għamel użu ħażin minn tagħmir elettroniku.

Fix-xhieda tiegħu, huwa qal li għal din l-ikla kien hemm dawn iż-żewġ persuni li kellhom relazzjoni sesswali. Xehed li din il-mara bdiet iġġib ruħha b’mod provokattiv lejn dan ir-raġel. Qal li hekk kif beda ħiereġ l-ewwel platt tal-ikel, dawn bdew jinżgħu u jagħmlu affarijiet mhux xierqa. Tenna li wara l-bar kien hemm Andre Attard u li Bernice Fenech ma kinitx hemm.

Il-Qorti, ikkunsidrat, li l-istqarrija ta’ Andre Attard ittieħdet mill-Pulizija wara li għażel li ma jikkonsultax ma’ avukat. Huwa kkonferma li dak iż-żmien kien il-barman tal-klabb. Qal li l-klabb ġie riżervat għall-ikla. Saħaq li lir-raġel involut kien jafu għax ġieli jmur jixrob fil-klabb waqt li l-mara involuta kien ġieli raha f’Ħal Luqa.

Attard stqarr mal-Pulizija li din il-mara kienet marret fil-Klabb tistaqsi jekk kienx hemm ikla u qalilha titlaq għax kienet ikla tal-irġiel. Kompla jgħid li hi daħlet man-nies li bdew ġejjin waqt li kien fil-kċina jsajjar. Sostna li beda jittawwal mill-bieb tal-kċina u beda jara lil dan ir-raġel jagħmel “il-ħmerijiet” ma’ din il-mara.

Qal li meta ħareġ mill-bar biex iġib il-birra, rahom se jitilgħu fuq il-billiard u qalilhom jinżlu. Huw qal lil ibnu biex ma jħallihomx waħedhom. Ftit wara l-mara telqet u l-ikla baqgħet għaddejja. Qal li sema’ lin-nies jgħidu li kienu tawha €200 għal dan l-ispettaklu.

Il-prosekuzzjoni qalet li meta l-Pulizija kellmet lil Bernice Fenech, qaltilhom li wara li waslu l-filmati għandha kienet pronta waqqfet il-kuntratt tal-barman. Madankollu, il-prosekuzzjoni sostniet li Fenech għandha tinstab ħatja għax ħalliet lil Andre Attard jagħmilha ta’ barman bla liċenzja.

Qalet li, min-naħa tiegħu, Andre Attard, kien preżeneti meta seħħ dak li ġara u kien jaf li qed jinġibed filmat. Qalet li għalhekk, ippermetta li l-post jintuża għal skopijiet immorali. Dwar dan, il-Qorti, semgħet xhieda f’isem l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Intqal li saret riċerka fuq l-akkużati u l-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħal Luqa u ma rriżulta xejn. Pulizija xehed li Bernice Fenech kienet ħallset il-liċenzja u l-klabb għandu liċenzja li jiftaħ kuljum mill-5pm sa 12am. Id-difiża argumentat li dak li ġara kien inċident spontanju minn persuni indipendenti, tant li Fenech, lanqas kienet preżenti u Attard, meta nduna x’kien qed jiġri, ipprova jwaqqafhom.

Qalet li każin tal-boċċi ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ ħanut u li m’hemmx x’juri li l-imputati kellhom xi liċenzja f’isimhom jew permess relattivi għall-każin. Spjegat li skont l-informazzjoni mill-MTA tirreferi għal Bernice Pace, mhux Fenech, u m’hemmx numri tal-identità. Qalet li m’hemmx provi li kienet qed tindaqq xi mużika.

Meta ġiet għad-deċiżjoni, il-Qorti, innotat li, Bernice Fenech, ma kinitx hemm dakinhar u qalet li mill-istqarrija ta’ Andre Attard, qajla joħroġ li kien kompliċi. Qalet li m’hemm xejn li jorbot l-attivitajiet sesswali li saru mal-imputati.

Spjegat li m’hemmx prova li dawn ippermettew il-każin jintuża għal skopijiet ta’ prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali. Qalet li lanqas hemm prova ammissibbli li kienet qed issir prostituzzjoni għajr għall-fatt li raġel u mara kellhom x’jaqsmu ma’ xulxin. Qalet li mill-istqarrija ta’ Attard joħroġ li prova jwaqqafhom.

Renniet li kulma ħareġ mill-provi li kien hemm inċidenza solitarja u possibilment spontanja waqt ikla organizzata minn terzi. Għalhekk illiberathom. Illiberathom ukoll mill-akkużi li daqqew mużika jew provdew ikel bla liċenzja minħabba nuqqas ta’ provi.