mid-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ
Ftit statistika xokkanti li ħarġet mill-Parlament ftit tal-jiem ilu tinkludi li fil-perjodu bejn l-2019 u l-2023 telqu minn pajjiżna aktar minn 20,000 żagħżugħ/żagħżugħa biex marru jgħixu lil hinn minn artna.
Jirriżulta li fl-2023 biss – jiġifieri f’sena waħda biss – telqu minn pajjiżna aktar minn 6,700 żagħżugħ/żagħżugħa biex marru jgħixu f’pajjiż ieħor.
Dawn huma ċifri mill-aktar inkwetanti u li donnhom jinsabu fid-direzzjoni li jiżdiedu fis-snin li ġejjin hekk kif aktar żgħażagħ – u dan jesprimuh bl-aktar mod voċiferu u liberu – m’għadhomx iħossuhom komdi li jibqgħu f’Malta biex jagħmlu karriera hawnhekk.
Dan minħabba riżultat ta’ numru ta’ fatturi: l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-proprjetà, il-prezzijiet, il-prezzijiet tal-kirjiet, l-isfreġju ambjentali kontinwu, il-mod xejn dekoruż li bih qed jitmexxa l-pajjiż, l-iskandli ta’ korruzzjoni u tixħim fuq livell ta’ kull jum li jgħadd…
Dawn iċ-ċifri tahom fil-Parlament il-Minstru Clyde Caruana meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello li proprju għamlet mistoqsija parlamentari diretta dwar kemm żgħażagħ Maltin qed iħallu pajjiżna biex jirrilokaw f’art oħra lil hinn minn xtutna.
Il-Ministru Clyde Caruana ffoka fuq firxa ta’ ħames snin – bejn l-2019 u l-2013 – u spjega li l-iktar statistika riċenti ppubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar in-numru ta’ żgħażagħ li telqu minn u ġew f’Malta hija għas-sena 2023.
Qal li din it-tabella tinkludi persuni li kienu ilhom jgħixu Malta minn tal-inqas sena kif ukoll tinkludi persuni li għandhom il-ħsieb li jgħixu Malta minn tal-inqas sena u għalhekk jiġu meqjusa bħala residenti ta’ Malta.
Għaldaqstant, “dawn iċ-ċifri jinkludu kemm persuni ta’ nazzjonalità Maltija kif ukoll dik barranija. Id-definizzjoni ta’ żagħżugħ skont il-Kummissjoni Ewropea tirreferi għal persuni ta’ bejn il-15 u d-29 sena”.
Analiżi tal-informazzjoni
Fisser ukoll li hu importanti li kwalunkwe interpretazzjoni ta’ din l-informazzjoni ssir bl-għarfien li din l-istess informazzjoni hi bażata fuq stimi maħdumin fuq reġistri u sorsi alternattivi b’margin of error li jvarja skont il-kwalità tas-sorsi użati.
Tajjeb li wieħed jippreċiża li għalkemm din l-informazzjoni hi waħda kompletament ġdida, imma tajjeb li nfakkru kif skont sondaġġ tal-EY li sar ftit ilu biss, tliet kwarti taż-żgħażagħ Maltin jixtiequ jmorru jgħixu barra minn Malta.
Hemm fatturi differenti, fosthom opportunitajiet ta’ studju u xogħol diversi, biss hemm oħrajn li qegħdin jitilqu minn pajjiżna minħabba l-għoli tal-ħajja, l-isfreġju ambjentali li qed iseħħ f’Malta. Oħrajn qed isibuha diffiċli biex jixtru l-post tagħhom.
Apparti minn hekk studju li kien ġie ppubblikat is-sena l-oħra kien sab li kważi nofs iż-żgħażagħ Maltin ma jħossu l-ebda rabta mal-lokalità li trabbew fiha u jixtiequ aktar spazji ħodor fejn jistgħu jistrieħu.
L-istudju “The Environment’s contribution for Neighbourhood Liveability and Wellbeing in the Maltese Islands” sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li staqsa grupp ta’ persuni b’etajiet differenti minn Bormla, Birkirkara, San Pawl il-Baħar, Ħal Safi u Għawdex kollu.
Miż-żgħażagħ li pparteċipaw fl-istudju, 54.2% qalu li ma jiffrekwentawx postijiet fil-lokalità li jgħixu fiha u kienu biss 20% li qalu li jmorru f’postijiet fil-lokalità tagħhom.
Ikkumparat mat-53% tal-adulti li ħassew ċertu rabta mal-lokalità tagħhom, 46% taż-żgħażagħ qalu li jħossu din ir-rabta. Madwar 44% taż-żgħażagħ qalu li ma jħossuhomx siguri fil-lokalità tagħhom u li m’għandhomx biżżejjed spazji miftuħa fejn jistgħu jistrieħu.
Ta’ min ifakkar ukoll li mit-tielet stħarriġ xjentifiku dwar ‘l-Istat tan-Nazzjon’ li kien sar fl-2023, kien ikkonfermat li ż-żgħażagħ Maltin dejjem iktar jixtiequ li jgħixu f’pajjiż ieħor, b’35% ta’ dawk li għandhom inqas minn 25 sena jiddikjaraw li xtaqu li twieldu lil hinn minn Malta.
Skont dak l-istħarriġ xjentifiku aktar minn terz taż-żgħażagħ Maltin li għandhom inqas minn 25 sena jixtiequ li qatt ma twieldu f’pajjiżna.
Minn mistoqsija parlamentari li għamilt bħala Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, irriżulta mit-tweġiba tal-istess Ministru li din għandha tqanqal tħassib serju dwar il-fatt li madwar dsatax-il żagħżugħ/żagħżugħa qed jitilqu minn Malta kuljum.
Dan l-eżodu kontinwu ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin jindika sfidi profondi li qed jiffaċċjaw is-soċjetà u l-ekonomija Maltija.
Il-Ministru Clyde Caruana fl-aħħar ammetta dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista li llum qed jitilqu minn Malta medja ta’ dsatax-il żagħżugħ/żagħżugħa kuljum. Dan huwa l-akbar ċertifikat ta’ mudell ekonomiku li tilef kull viżjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Fl-istess sena, kważi 18,000 żagħżugħ li ma nafux humiex Maltin jew barranin ġew Malta biex jimlew il-vojt f’ekonomija mibnija fuq iċ-cheap labour u l-isfruttament. Malta spiċċat taħdem fuq mudell ta’ “modern day slavery”, minflok fuq tkabbir sostenibbli.
Bejn l-2019 u l-2023, aktar minn 20,000 żagħżugħ telqu minn Malta, b’madwar 6,716 minnhom jitilqu fis-sena 2023 biss. Dan ifisser li, medja ta’ dsatax-il żagħżugħ qed jitilqu kuljum minn pajjiżna. Din hi tendenza allarmanti li għandha tiġi indirizzata b’urġenza.
Fl-aħħar tnax-il sena, il-Gvern Laburista ma rnexxilux jiġbed lejn pajjiżna settur ekonomiku wieħed ġdid, u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, li tant huma kapaċi u għatxana biex jiżviluppaw, qed jispiċċaw jaqtgħu qalbhom u jitilqu minn art twelidhom.
Raġunijiet għalfejn iż-żgħażagħ qed jitilqu minn pajjiżna
Tant li fl-2023, rekord ta’ 6,716 żagħżugħ/żagħżugħa Maltin telqu minn pajjiżna biex jgħixu barra… l-akbar ammont fl-aħħar ħames snin. Diversi surveys juru r-raġunijiet li qed iwasslu għal dan, li jinkludu n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ studju u xogħol, id-degradazzjoni ambjentali u l-prezzijiet għolja tal-housing.
Malta, għalkemm pajjiż żgħir, qed tiffaċċja diversi sfidi kbar li għandhom impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha.
Hemm diversi fatturi għalfejn qed jitilqu minn pajjiżna fosthom l-għoli tal-ħajja hekk kif il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bħal ikel, ix-xorb, id-detergents u l-prodotti essenzjali qed jogħlew b’mod rampanti.
Il-prezzijiet tal-proprjetà irduppjaw u l-prezzijiet tal-kirjiet żdiedu b’71% f’għaxar snin u din tagħmila ħafna aktar diffiċli għaż-żgħażagħ biex jixtru jew jikru dar għalihom fis-sena 2025.
L-opportunitajiet tax-xogħol li hawn f’pajjiżna huma limitati meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn hekk kif hemm nuqqas ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja li joffru progressjoni fil-karriera, li jwassal lil ħafna żgħażagħ biex ifittxu opportunitajiet barra minn Malta. Filwaqt li l-prezzijiet għolew b’mod rampanti l-pagi baqgħu prattikament l-istess.
Malta għandha waħda mill-ogħla densitajiet ta’ popolazzjoni fid-dinja, u tkompli tilqa’ numru dejjem jikber ta’ ħaddiema barranin u migranti.
Il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport qed tinħass kuljum. Il-proċess ta’ integrazzjoni mhux dejjem qed ikun faċli, u f’ċerti każijiet qed jinħolqu tensjonijiet soċjali.
Il-konġestjoni tat-traffiku saret problema kronika. Għalkemm il-pajjiż żgħir, il-pussess ta’ karozzi privati hu wieħed mill-ogħla fl-Ewropa, u n-nuqqas ta’ alternattivi effettivi qed jagħmilha agħar.
Nuqqas ta’ sistemi ta’ trasport pubbliku effiċjenti, nuqqas ta’ toroq adattati għar-roti, u impatt ambjentali dejjem jikber minħabba l-emissjonijiet u l-istorbju.
Dan kollu jaffettwa negattivament il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum.
Bżonn ta’ azzjoni immedjata
Il-Partit Nazzjonalista jrid Malta fejn iż-żgħażagħ jemmnu li jistgħu jibnu l-futur tagħhom permezz ta’ politika ċara.
Għal dan l-iskop, il-PN fassal diversi miżuri li minnhom jibbenefikaw ukoll iż-żgħażagħ, u li għandhom iwasslu biex jonqsu l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja jitwessa’ l-parental leave, iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsiru sidien ta’ djarhom, u l-ambjent ikun protett bil-Kostituzzjoni.
Aktar minn hekk, il-PN hu impenjat li joħloq setturi ekonomiċi ġodda u ta’ valur miżjud li joffru impjiegi ta’ kwalità.Għall-kuntrarju ta’ Gvern Laburista, il-PNirid jinvesti fiż-żgħażagħ għax jemmen bis-sħiħ li l-futur ta’ pajjiżna jiddependi minnhom.
Għalhekk nappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni konkreta biex jindirizza dawn l-isfidi.
Nipproponi l-implimentazzjoni ta’ politika li tiffaċilità l-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ impjieg, u l-ħolqien ta’ ambjent li jinkoraġġixxi ż-żgħażagħ biex jibqgħu u jikkontribwixxu għall-pajjiż.
It-tluq kontinwu taż-żgħażagħ minn Malta hu sinjal ċar li hemm bżonn ta’ riflessjoni u azzjoni immedjata. Inħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jindirizzaw dawn l-isfidi b’mod proattiv biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ Maltin ikollhom raġunijiet validi biex jibqgħu jgħixu f’pajjiżna u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tiegħu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>