Opinjoni

OPINJONI: Kwart ta’ seklu warajna

Il-pajsaġġ, l-ambjent sħiħ tagħna huwa importanti. M’għandniex inwarrbuh, iktar u iktar illum li mhux dejjem hemm l-attenzjoni u l-kontroll kemm nixtiequ.

mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali

u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Kull demokrazija għandha l-proċess ta’ żvilupp tagħha. Hija partikolari f’kull pajjiż u titlob attenzjoni. Titlob ukoll li titħalla tikber bil-mod naturali li wieħed isib f’soċjetajiet simili. Ħafna drabi b’Kostituzzjoni li timxi f’għaqda ’l quddiem. Forsi wkoll aħna iktar nervużi, jew aħjar, malajr nitilfu l-paċenzja.

Nitilfu f’dan ukoll il-fiduċja f’xulxin. Hemm min jgħid: “Għax barra minn xtutna ma jiġrix hekk”, u nisimgħu kemm kollox għaddej fuq il-preċiżjoni f’oħrajn u kumplikazzjonijiet f’tagħna. Mentri, kif nafu, mhuwiex hekk. Imma f’kulma wieħed jinsisti għalih u jrid iwettaq irid jagħraf sija l-metodu li jrid jaqbad, kif ukoll l-istrateġija u t-tattika. Dan għax anki jekk kull persuna finalment taqbel fuq proposta, fid-dinja tal-bnedmin trid iż-żmien biex din titwettaq.

Bħalissa

Il-bnedmin fuq din il-gżira, fil-fatt għandhom il-ħabta li jkunu fuq pożizzjonijiet opposti. U ħafna. Imma maż-żmien wieħed jara punti ta’ avvanz, ta’ konverġenza u li nimmaturaw fihom. L-iktar fuq opinjonijiet li jridu l-ħin tagħhom biex jiġu diskussi, mgħarbla u aċċettati.

F’dan bdejna, il-ġimgħa li għaddiet, fuq nota tajba. Dan hekk kif tħabbar li pajjiżna kien irratifika huwa wkoll l-hekk imsejħa ‘Council of Europe Landscape Convention (ETS176)’. Konvenzjoni importanti fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, mhux l-Unjoni Ewropea, li pajjiżna kien iffirma fl-20 ta’ Ottubru 2000. Il-Konvenzjoni hija waħda li, fl-opinjoni tiegħi, fiha l-importanza tagħha bħala parti mit-tessut legali u demokratiku li nbena biex il-pajsaġġ tagħna jkun protett u stmat ferm aktar.

Ħamsa u għoxrin sena

Fil-fatt ħadna kwart ta’ seklu biex issa tlajna pass ’il fuq sabiex l-interess pubbliku, fl-aspetti kulturali, ekoloġiċi, ambjentali, jissoda u jikber. Hemm obbligi legali mill-iktar sbieħ u interessanti li nittama li se jittieħdu bis-serjetà li jimmeritaw biex jitwettqu. Fuq kollox, pass lejn issudar tad-drittijiet taċ-ċittadini li aħna nippruvaw, b’umiltà, nirrappreżentaw. Ċertament sodisfazzjon għal diversi li jafu x’bibien se jinfetħu fit-twettiq tagħha.

Nammetti wkoll, partikolarment lili, li mill-2019 ħassejt li għandi nressaq numru ta’ interpellanzi parlamentari sabiex din il-Konvenzjoni tiġi ratifikata. Fl-20 ta’ Novembru 2019 kien intqal lili li x-xogħol kien beda u f’dawn is-snin kull darba li dan kien wasal fl-aħħar fażijiet. Il-perseveranza u l-paċenzja fihom il-valur uniku tagħhom. Dawk li deputat jagħraf li jrid jaqbad sew u dan dejjem sabiex ikun hemm tibdil fl-opinjonijiet u li jitwettqu ċerti passi ’l quddiem. Passi li huma fil-fatt favur l-avvanz tal-poplu demokratiku tagħna.

Fil-mument, iktar

Dan ċertament f’doża aqwa għax ħamsa u għoxrin sena huma wkoll snin ta’ riflessjoni fuq punti oħra. Dan għax fil-mument attwali, meta fost l-aġenda nazzjonali qed niddiskutu wkoll x’għandu jsir minn Manoel Island, dan fih ukoll rilevanza.

Hemm petizzjoni li ġiet preżentata fil-Parlament fil-21 ta’ Marzu 2025 dwar jekk l-iżvilupp li kien prospettat fl-2000 għandux jibqa’ għaddej jew jinbidilx. Flok jinbena fil-mod prospettat u vvutat jew jekk isirx park pubbliku fejn l-ambjent jiġi mogħti aktar piż fil-kalatura.

Proprju permezz ta’ petizzjoni lill-Kamra tad-Deputati f’dak l-istrument mill-iktar demokratiku li bih kull ċittadin jista’ jagħmel użu leġittimu biex jibdel l-aġenda nazzjonali. Fl-2000 dan l-istrument ma kienx jeżisti imma llum, fortunatament, qiegħed hemm. Dan għalhekk jagħtina aktar l-opportunità li niddiskutu u naraw fejn irridu, bħala poplu, immorru.

Impożizzjoni

F’dan iktar m’għandniex ningħalqu fit-triq tan-non-demokrazija. Ħadd m’għandu jaqbad u jagħlaq id-diskussjoni, u lanqas jimponi għeluq għaliha. Dan iktar u iktar fid-dawl tad-deċiżjoni tajba li pajjiżna rratifika l-Council of Europe Landscape Convention. Mhuwiex fl-ispirtu demokratiku, wisq inqas għall-progress tagħna, li ma tinstabx soluzzjoni. Il-Parlament qiegħed hemm f’isem il-poplu u għalhekk kien ivvota favur tali konċessjoni. Issa qiegħed mill-istess jiġi mitlub biex wara ħamsa u għoxrin sena jikkunsidra x’sar, x’kellu jsir u x’għandu jsir.

Il-pajsaġġ, l-ambjent sħiħ tagħna huwa importanti. M’għandniex inwarrbuh, iktar u iktar illum li mhux dejjem hemm l-attenzjoni u l-kontroll kemm nixtiequ. Iktar fejn iċ-ċittadin qiegħed iħoss li tilef is-saħħa biex permezz tad-demokrazija jasserixxi l-volontà libera tiegħu.

Artiklu 45A

F’dan ukoll, wieħed ma jistax ma jgħidx li f’dawn il-jiem se nkunu qed nagħlqu sentejn mill-5 ta’ Ġunju 2023 meta l-Oppożizzjoni, permezz tad-Deputat Darren Carabott, ippreżentat mozzjoni biex jidħol artiklu ġdid fil-Kostituzzjoni tagħna. Dak indikat u deskritt bħala ‘Protezzjoni tad-Dritt li tgħix f’Ambjent San’. Artiklu li għandu l-vantaġġ doppju li qiegħed jiddikjara dak li diversi fil-poplu jħossu, u t-tieni li jippermetti li aktar ċittadini jiftħu proċeduri legali biex jipproteġu l-pajsaġġ u l-ambjent sħiħ tagħna.

Artiklu li jimmerita li jkun hemm qbil dwaru u li jiġi mdaħħal bħala parti mil-liġi suprema tagħna.

Progress

Dan għax pajjiżna jixraqlu li jsirulu passi ta’ avvanz. Passi li permezz tagħhom nirreġistraw li aħna parti minn sistema legali li twieldet minn Ċivilità unika. Passi li jindikaw li mhux biss niddikjaraw, imma li nipprattikaw. Passi li juru li hawn demokrazija li timxi fid-djalogu u mhux bl-impożizzjoni. Passi li juru li għalkemm nieħdu l-ħin tagħna, kapaċi naslu. F’dan kollu għandna nirreġistraw li mxejna ’l quddiem, kif ukoll li nagħmlu l-kuraġġ li aħna kapaċi nkomplu nimxu ferm iktar.

Bi kwart ta’ seklu warajna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn dak li jista’ jinbena aħjar biex fuq naħa waħda nkattru, u fuq in-naħa l-oħra nipproteġu sew dak li diġà għandna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 3 ta’ Ġunju, 2025.