Opinjoni

OPINJONI: Nikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta’ pajjiżna

Ħafna huma l-anzjani li għadhom jaħdmu wara li qattgħu ħajjithom jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna b’ħidmiethom biex dan il-pajjiż hu dak li hu llum

minn Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista

F’pajjiżna hawn madwar 7,000 anzjan jaħdmu “full-time” u eluf oħra jaħdmu “part-time”. Għandna wkoll ħafna u ħafna anzjani jikkontribwixxu l-ħin tagħhom fil-volontarjat. Filwaqt li numru kbir ieħor jgħinu lil uliedhom billi jeħdulhom ħsieb in-neputijiet biex dawn imorru jaħdmu.
Aħna l-anzjani tajjeb li niftakru minn xiex għaddejna tul ħajjitna. Niftakru kemm ikkontribwejna biex pajjiżna kiseb l-Indipendenza, biex biddilna l-ekonomija minn waħda mibnija fuq in-nefqa tas-Servizzi Ingliżi għal waħda fejn biddilna l-missjoni tagħna għal ekonomija msejsa fuq il-manifattura, it-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, l-e-gaming, is-servizzi marittimi u tant niċeċ ekonomiċi oħrajn. Dawwarna l-ekonomija tagħna minn waħda mibnija madwar il-gwerra għal waħda msejjsa fuq il-paċi.

Rebħiet importanti
Ħdimna biex pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea u fiz-zona ewro. Dawn huma kollha rebħiet li wettaqna flimkien fis-snin l-imgħoddija u li għaddejna lill-ġenerazzjoni tal-lum.
Filwaqt li bi kburija niftakru f’dak li għamilna fil-passat m’għandniex nieqfu hemm iżda aħna nħarsu wkoll lejn il-futur. Aħna l-anzjani għad għandna ħafna x’noffru. Għandna l-esperjenza. Għandna r-rieda. Aħna wkoll noħolmu f’futur aħjar. Għad baqgħalna l-ħeġġa li rridu lill-uliedna u lill-ulied uliedna jgħixu f’pajjiż aħjar milli sibnieh aħna.
Dan jimbuttana biex bħal bqija tal-ħaddiema nkomplu nikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta’ pajjiżna. Biex fi ħdan il-Partit Nazzjonalista nkomplu noħorġu b’ideat u soluzzjonijiet għal pajjiżna. Biex flimkien nibqgħu niddefendu dak kollu li jagħmilna Maltin u li jiddistingwina minn pajjiżi u popli oħrajn.
Aħna l-anzjani qatt ma qtajna qalbna. Qatt ma bżajna mill-futur. U mhux ser nibżgħu llum. Għalhekk nwiegħdu li pajjiżna ser jibqa’ jsibna warajh. Biex inkomplu narawh jikber u jiżviluppa għall-ġid ta’ din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1  ta’ Ġunju, 2025