Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna ma jafx kemm hi r-rata tal-għoli tal-ħajja. Minkejja li din kienet it-tieni okkażjoni li matulha għamilna din id-domanda sempliċi u diretta.
It-Tlieta, wara żjara fil-fabbrika tat-Trelleborg, Robert Abela ma kienx kapaċi jgħid kemm hi din ir-rata li ta’ kuljum qed tkompli taffetttwa eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Meta mistoqsi minn Net News dwar l-għoli tal-ħajja, Abela baqa’ jaħrab mingħajr ma jirrispondi.
Ċifri maħruġa mill-Eurostat ikkonfermaw kif għal xahar ieħor, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna kompliet tiżdied. U issa laħqet il-livell ta’ 2.6 fil-mija.
Agħar minn hekkk… ir-rata li biha qed togħla l-ħajja f’pajjiżna hija ferm akbar mir-rata medja tal-pajjiżi taz-zona ewro fejn f’Mejju r-rata medja kienet fil-livell ta’ 1.9%.
Dan ifisser li filwaqt li bħala medja l-għoli tal-ħajja fil-pajjiżi li jużaw l-ewro kompla jonqos, f’Malta qed jiżdied.
Intant, skomdu għall-aħħar wara li induna li Robert Abela ma kienx jaf kemm hi r-rata tal-għoli tal-ħajja, il-Ministru tal-Ekonomija prova joħroġ għonqu għall-Prim Ministru. Għalkemm spiċċa waqqagħlu kliemu.
Dan hekk kif Silvio Schembri ammetta li l-prezzijiet verament komplew jogħlew, speċjalment il-prezzijiet tat-trasport u tal-ikel.
Il-PN minn naħa tiegħu qed jinsisti li l-Gvern għandu jwarrab il-partiġjaniżmu u jimplimenta l-proposti li qed iressaq, u li magħhom jaqbel kulħadd.
Fuq kollox, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.