Rumen, li huwa wieħed mis-seba’ rġiel li jinsabu mixlija li traffikaw nisa Kolumbjani għall-prostituzzjoni, reġa’ spiċċa arrestat wara li nqabad jikser ordni tal-Qorti nhar it-Tnejn li għadda fid-9.35pm. Dan meta l-ordni hi li sat-8pm irid ikun id-dar. Meta tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt kienet miċħuda t-talba għall-pleġġ li huwa għamel.
Il-prosekuzzjoni qalet li Nicolae Efimov ta’ 38 sena residenti l-Qawra, kien San Pawl il-Baħar meta nqabad wara li l-Pulizija li kienu qed jagħmlu r-ronda ġew infurmati li kien hemm ħabta bil-karozza, li fiha ma weġġa’ ħadd u li kien hemm xi argumenti. Huwa qal lill-Pulizija biex jeħduh il-ħabs għax ftit qabel kellu xi jgħid mal-mara u ma riedx imur ħdejha.
Huwa ġie mixli li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-Qorti, li saq taħt l-effett tal-alkoħol li mmarka iktar mill-limitu preskritt, li kien fis-sakra, ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u li kiser il-mistrieħ tan-nies. Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest.
Fi proċeduri oħra Efimov qed jiġi mixli li huwa involut f’ċirku ta’ traffikar tal-bnedmin kif ukoll prostituzzjoni li ra ’l fuq minn 2,000 klijent iżuru burdell fl-Imsida bejn Marzu u Ġunju tas-sena l-oħra.
Il-kumpilazzjoni ta’ provi kontra sebat irġiel Maltin u żewġ ċittadini Rumeni akkużati bi traffikar tal-bnedmin, ħasil ta’ flus, u kriminalità organizzata kixfet xibka ta’ sfruttament u abbuż.
Fuq il-każ dwar il-prostituzzjoni n-nisa involuti kienu allegatament ġew imħeġġin jiġu Malta b’wegħda falza li jaħdmu bħala escorts, bl-irwoli tagħhom deskritti li “jżommu kumpanija lill-irġiel” waqt avvenimenti soċjali jew ikliet. Madanakollu kif waslu Malta, in-nisa ġew imġegħlin jagħmlu xogħol sesswali.
L-Avukat Stefano Filletti, li deher għall-akkużat, qal li huwa xtaq li tixhed il-mara tiegħu dwar il-każ. Alexandra Suhov Procora, li wkoll hija akkużata ma’ żewġha b’rabta mal-każijiet ta’ prostituzzjoni, qalet li hi u żewġha kemm-il darba jkollhom xi jgħidu minħabba li hu m’għandux impjieg, u għalkemm hi taħdem qed isibuha diffiċli biex ikampaw.
Mistoqsija mill-Avukat Filletti jekk tridx li żewġha jmur lura d-dar u jekk hix lesta li tilqgħu, qalet li iva, u qalet li żewġha huwa missier tajjeb għat-tifel tagħhom u peress li hu ma jaħdimx, iqatta’ ġurnata mat-tifel fejn huwa jieħu ħsiebu. Qalet li mhux faċli li huma jsibu impjieg minħabba l-akkużi li għandhom fil-kawża l-oħra.
Il-prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest fejn qalet li mhux se jkollha serħan tal-moħħ, tant li hu ried imur il-ħabs u mhux imur id-dar. Ingħad li hemm il-biża’ li jagħmel xi ħaġa biex vera jmur il-ħabs. Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat m’għandux flus u għandu xeba’ probemi.
L-avukat Filletti qal li ma hemm l-ebda biża’ tal-ħarba, kieku ma joqgħodx jitkarrab lill-Pulizija biex imur il-ħabs. Kif qalet il-mara tiegħu, għandu tifel li jieħu ħsiebu sew. Tenna li dan huwa każ klassiku ta’ bniedem li qabżitlu.
Filletti qal li hija l-mara biss li qed taħdem u hu jispiċċa l-ħabs, min se jieħu ħsieb it-tifel, imbgħad x’jiġri? L-Avukat qal li huwa kkopera mal-ewwel mal-Pulizija u ma kienx vjolenti jew irreżista l-arrest. Dan huwa każ ta’ disperament. Huwa missier eżemplari. “Kulħadd jiżgarra xi kultant u jekk hemm bżonn jiġu ordnati mill-Qorti iktar kundizzjonijiet iebsa.
Il-Qorti ċaħdet it-talba fejn qalet li l-każ għadu fi stadju bikri tal-proċeduri u m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li joqgħod mal-kundizzjonijiet imposti fuqu.
L-Ispetturi Warren Galea u Ryan Vella mexxew il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>