Lokali

“Spiċċajna nitfgħu fin-nofs; dan piż fuqna u fuq ir-residenti”

“Spiċċajna nipparkjaw fin-nofs u f’zoni perikolużi għax lanqas biss għandna waiting-zone fl-ajruport biex nistennew il-bookings li jkollna.”

Hekk stqarr xufier li tkellem ma’ Net News rigward is-sitwazzjoni preżenti li spiċċaw fiha s-sewwieqa tal-y plates – wara li l-Gvern ma għamel xejn fuq id-diżorganizzazzjoni li hemm fl-ajruport. B’riżultat li tal-cabs spiċċaw jipparkjaw f’zoni oħra fir-raħal tal-Gudja.

Ix-xufiera qalilna li huma konxji li qed jinħoloq inkonvenjent għar-residenti tal-Gudja – madanakollu huma m’għandhomx għażla peress li m’hemmx waiting-zone adegwata.

Dan apparti li qegħdin ukoll jitilfu x-xogħol u qed jiżdied il-periklu. Anke minħabba li fl-akwati li qed jużaw dawn ix-xufiera qed jaffettwaw l-attività agrikola  tal-bdiewa li qed isibu ostakli biex jidħlu fl-għelieqi tagħhom. Ma’ dawn… hemm ir-residenti, li qed jispiċċaw mingħajr spazji ta’ parkeġġ.

Ix-xufiera tal-cabs fakkru wkoll fl-isfidi varji li qed jaffaċċjaw is-sewwieqa tal-y plates, anke minħabba l-fatt li peress li ngħataw ħafna liċenzji, xufiera Maltin spiċċaw kostretti jħabbtu wiċċhom ma’ problemi enormi.

Intant, Net News jinsab infurmat li dan il-koas ħdejn l-ajruport qed ikun wieħed regolari. U l-Gvern għadu ma għamel xejn biex jindirizza din il-kwistjoni.