Lokali

Abela jaħrab mill-fatt li l-Labour taħt Alfred Sant kien qabel b’mod unanimu mal-proġett ta’ Manoel Island

M

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma jistax ilissen id-dikjarazzjoni li hu jaqbel li jsir Park Nazzjonali f’Manoel Island.

Dan hekk kif l-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Prim Ministru proprju jaqbilx li dan iseħħ, bħalma qiegħed jisħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mal-bqija tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u 29,000 persuna oħra li ffirmaw petizzjoni favur dan.

Madanakollu, Abela mhux iħossu komdu jiżbilanċja ruħu.

Minflok, Robert Abela nfexx f’attakki partiġjani wieħed wara l-ieħor, attakki persistenti fuq Gvernijiet Nazzjonalisti. Madanakollu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista bħal donnu jixtieq jibdel l-istorja… ċioè li l-Malta Labour Party u sussegwentament il-Partit Laburista sa minn dejjem qablu ma tali proġett.

It-tender għal proġett fuq Manoel Island u Tignè kien ħareġ lura fl-1992…u sussegwentament il-Labour, immexxi mill-Eks Prim Ministru Alfred Sant kien tela’ fil-Gvern.

Dak iż-żmien, b’rabta mal-Isptar Mater Dei, Alfred Sant m’għoġbux il-proġett li xtaq il-Gvern Nazzjonalista, ċioè li jkun sptar speċjalizzat fost oħrajn għal kura tad-dijabetè, mard tal-qalb u riċerka… sptar li jaħdem spalla ma’ spalla mal-Isptar San Luqa.

U Sant biddel il-proġett ta’ taħt fuq.

Dan ifisser li fil-każ ta’ Mater Dei dawwar il-pjanti għax ma qabilx mal-proġett…iżda l-Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998 qabel li l-proġett ta’ Manoel Island iseħħ. Tant hu hekk, li f’dak il-perjodu kien kompla għaddej bin-negozjati mal-privat.

Dak iż-żmien, bħala Konsulent Legali tal-Kabinett ta’ Sant, kien hemm id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, George Abela.

Imbgħad, wara l-falliment tal-Gvern tas-Sant f’temp ta’ sentejn….reġa’ ġie elett Gvern Nazzjonalista….u f’Ġunju tas-sena 2000 il-Kamra tar-Rappreżentanti, jiġifieri l-Parlament kollu, bl-Oppożizzjoni Laburista b’kollox….inkluż id-Deputati Laburisti preżenti; Carmelo Abela, Anton Refalo, Chris Agius u Michael Farrugia….qablu li tingħata din il-konċessjoni lill-MIDI.

Fatti li Robert Abela għal xi raġuni jrid jaħrab.