Ambjent Lokali

Bernard Grech jinsisti li għandna nagħmlu ħilitna sabiex Manoel Island tinbidel f’Park Nazzjonali

SkyeEye Malta
Il-PN jifhem il-frustrazzjoni tar-residenti tal-lokalitajiet mad-dawra ta’ Manoel Island li issa xebgħu bis-sitwazzjoni; kuntrarju għal dak li qed jgħid Robert Abela, kien il-Gvern Laburista mmexxi minnu li ma għamel xejn biex jiżgura li l-obbligi jiġu onorati

“Il-poplu Malti jixraqlu aħjar. Ejja nagħmlu ħilitna biex Manoel Island jinbidel f’Park Nazzjonali”.

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel dalgħodu l-Kap tal-PN Bernard Grech, hekk kif stqarr li s-sit ta’ Manoel Island joffri opportunità sabiex nuru bħala pajjiż li qed nagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Kap tal-PN fakkar kif f’25 sena, ir-realtajiet li qed naffaċċjaw bħala pajjiż inbidlu. U l-PN qed jifhem il-frustrazzjoni tan-nies, u l-messaġġ li twassal permezz ta’ petizzjoni ffirmata minn 29,000 persuna.

“Aħna ninsabu determinati li naraw li flimkien mal-poplu nassiguraw li dan is-sit isir park, li jitgawda mill-familji.”

L-ISTQARRIJA TAL-KAP TAL-PARTIT NAZZJONALISTA

L-interess pubbliku fil-każ ta’ Manoel Island jitlob li ladarba għadna biċ-ċans u għadu ma sar l-ebda żvilupp, nagħmlu ħilitna biex is-sit jinbidel f’park nazzjonali.

Il-fatt li għadha ma bdietx il-kostruzzjoni fuq Manoel Island ifisser li għad fadlilna l-aħħar u l-unika opportunità biex insalvaw dan il-wirt storiku, kif qed isejħu d-29,000 persuna li ffirmaw il-petizzjoni.

Filwaqt li nifhmu li hemm konċessjoni, il-Gvern għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li f’isem il-poplu Malti jara li jiġi rispettat kulma hemm fil-kuntratt, u jara liema kundizzjonijiet inkisru.

Ninnota b’sodisfazzjon li l-Prim Ministru għamel U-turn u issa ġie magħna fuq it-triq ’il quddiem – tant li lbieraħ ħabbar li qed janalizza l-konċessjoni, kif tlabtu jagħmel jien ġimgħa ilu, biex jara jekk hemmx ksur ta’ xi kundizzjonijiet u jekk għadhiex valida.

Nesiġi wkoll li l-Prim Ministru jkun trasparenti u jinforma lill-poplu Malti u jippubblika l-pariri li jkun qed jingħata fl-iqsar żmien possibbli.

Filwaqt li nfakkar li mill-għoti ta’ din il-konċessjoni issa għaddew 25 sena u s-sitwazzjoni inbidlet, Malta ma għadhiex li kienet dakinhar u r-realtajiet li qed ngħixu llum huma differenti minn ta’ dak iż-żmien, irrid infakkar ukoll li din kienet konċessjoni li fuqha kien hemm qbil unanimu miż-żewġ naħat tal-Parlament, u l-Partit Laburista – dakinhar fl-Oppożizzjoni – kien ivvota favur il-konċessjoni.

Kuntrarju għal dak li qal il-Prim Ministru lbieraħ, kien il-Gvern Laburista mmexxi minnu li ma għamel xejn biex jiżgura li l-iżviluppaturi jżommu ma’ dak li kien miftiehem.

Minflok jitfa’ tiegħu fuq ħaddieħor, Robert Abela messu assigura li kemm ilu Prim Ministru l-obbligi tal-kuntratt jiġu onorati.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem il-frustrazzjoni tan-nies, b’mod partikolari tar-residenti fil-lokalitajiet li hemm mad-dawra ta’ Manoel Island li xebgħu b’din is-sitwazzjoni għax ilhom snin twal iġorru l-piż tal-iżvilupp kontinwu f’dawn l-inħawi kif ukoll il-problemi li qed iġġib magħha ż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni li qed teffettwa b’mod sinifkanti lil dawn il-postijiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ spazji miftuħa.

Għalina l-kwalità tal-ħajja tan-nies hija prijorità, tant li ġimgħa ilu ħabbart li se nibdew il-proċess biex naraw li jsir studju tal-carrying capacity fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex. U dan is-sit f’dan il-mument huwa opportunità biex il-kwalità tal-ħajja tan-nies nagħtuha prijorità.

Manoel Island jixraqlu aħjar. Il-poplu Malti jixraqlu aħjar. Aħna ninsabu determinati li flimkien mal-poplu Malti naraw li din il-ħolma sabiħa li dan is-sit isir park li jitgawda mill-familji, tinbidel f’realtà.