Raġel ġie kundannat ħames snin ħabs wara li ammetta sensiela ta’ serqiet minn vittmi anzjani fid-djar tagħhom stess billi beda jagħmilha bħala bejjiegħ tal-lottu. Chris Farrugia (ritratt), li kien għadu kif ħareġ mill-ħabs wara li skonta sentenza għal reati simili, ammetta ħati li seraq sitt individwi, ħafna minnhom anzjani, fil-15 ta’ Mejju. Il-vittmi, ta’ bejn 52 u 95 sena, jgħixu fil-Mosta, l-Imġarr, Birkirkara, u l-Mellieħa.
Meta kien tressaq il-Qorti fl-2021, il-Pulizija qalet li r-raġel kien iħabbat il-bibien, u jsostni li kien qed jiġbor flus għall-missjonijiet jew ibigħ biljetti tal-lotterija. Imbagħad kien jisraq lir-residenti meta kienu jidħlu biex jiġbru l-kartiera tagħhom.
Ftit jiem biss wara li nħeles mill-ħabs, Farrugia reġa’ lura għad-drawwiet antiki tiegħu. Il-Pulizija identifikatu abbażi tad-deskrizzjonijiet tal-vittmi u arrestatu fil-Mellieħa waqt li kien qed iħabbat il-bibien. Oġġetti misruqa aktar tard instabu fid-dar tiegħu f’Ħaż-Żabbar.
Ir-raġel inizjalment wieġeb mhux ħati għall-akkużi, li kienu jinkludu wkoll li allegatament ippreżenta ruħu bħala bejjiegħ tal-lottu u l-bejgħ mhux liċenzjat ta’ biljetti tal-lotterija. Huwa ġie akkużat ukoll li mmolesta lill-vittmi billi talab għall-karità, li għex ħajja ta’ vagabond u għażż, u li kien riċediv.
Ix-xahar li għadda Farrugia biddel l-ammissjoni tiegħu għal ħati u kkonfermatha mill-ġdid fil-qorti. “Mill-ħabs ma tgħallem xejn. Kien weħel il-ħabs fuq serq minn fuq anzjani meta kien jidħol f’darhom u jisraqhom.
Ma tgħallem xejn
“Lanqas kienu laħqu għaddew jumejn li ma reġax beda jagħmel l-istess. Chris Farrugia beda jdur diversi lokalitajiet f’Malta u wara li jħabbat il-bieb ta’ anzjani, jgħidlhom li qed ibigħ biljetti tal-lotterija u wara li jaljenahom jispiċċa biex jidħol fir-residenza tagħhom u jisraqhom. Kien hemm min induna mill-ewwel li sfaw misruqa u kien hemm min induna wara.”
Dan kien żvelat lill-Qorti mill-Ispettur Lydon Zammit li flimkien mal-Ispettur Stephen Gulia ressqu lil Farrugia li llum għandu 43 sena. Huwa ġie mixli bi 13-il akkuża. Wieħed mill-vittmi tar-reat kien anzjan ta’ 95 sena.
Il-Pulizija kien irnexxielha ssolvi numru ta’ serqiet minn fuq sitt anzjani u persuna ta’ 52 sena. Il-Prosekuzzjonijiet kienet qalet li kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn Farrugia mar jittallab għall-flus. Il-vittmi kollha prattikament sfaw misruqa fid-dawl tax-xemx.
Farrugia ammetta finalment li wettaq żewġ serqiet f’Birkirkara fejn wieħed mill-vittmi kien l-anzjan ta’ 95 sena. Dan insterqulu madwar €700, prattikament il-pensjoni kollha li kien għadu kien qabad. Din is-serqa fil-konfront ta’ dan l-anzjan seħħet il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru tal-2021, għall-ħabta tas-1.15pm bil-ħalliel jaħtaf il-flus u jaħrab jiġri ‘l barra.
Saru wkoll żewġ serqiet fil-Mellieħa, tnejn oħra fl-Imġarr, serqa fil-Mosta u oħra f’Ħal Luqa. B’kollox tmien serqiet għalkemm il-Pulizija dejjem emmnet li kien hemm aktar vittmi li m’għamlux rapport. Farrugia ġie arrestat wara li diversi rapporti mill-vittmi kienu jgħidu li huwa kien qed jippoża ta’ persuni li qed ibigħ il-biljetti mal-prima biex jgħin lil xi tfal. Wara allegatament li kien jitlobhom il-flus jibqa’ dieħel fi djarhom u jisraq il-kartiera jew il-portmoni tal-vittma u jaħrab jiġri ‘l barra.
Ħamsa mill-vittmi kellhom fuq it-80 sena. Il-Pulizija identifikat lir-raġel meta kien fil-Mellieħa qed iħabbat bieb ta’ residenza meta fetħitlu mara anzjana. Dan kien għall-ħabta tal-11.00 am fejn huwa mill-ewwel ġie arrestat bil-Pulizija tmur tagħmel tfittxija fid-dar tiegħu u nstabu għadd ta’ flus kontanti li allegatament ġew mis-serq.
Mara anzjana vittma li fetħet il-bieb ta’ barra wara li ħabtilha raġel li qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Qalilha li jekk tagħtih bħal speċi donazzjoni u taċċetta kien se jagħtiha biljett tal-prima. Kif daħlet ġewwa biex iġġiblu l-flus, ir-raġel baqa’ dieħel warajha. Kif ratu warajha hija għajtet lil żewġha. Kif dan induna li l-anzjana mhijiex waħedha, huwa ħareġ jistenniha barra fejn il-bieb.
Hija tagħtu €5, bil-ħalliel iweġibha – ‘daqshekk biss għall-missjoni – messek tistħi.’ u hi qaltlu li daqshekk kellha flus u telaq ‘l hemm. Anzjana oħra fil-Mellieħa ġarrbet l-istess esperjenza, din id-darba meta kienet miexja barra t-triq. Hawn waqqafha raġel u qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Hekk kif mill-portmoni ħarġet €25, dan ħatafhomlha u ħarab minn fuq il-post.
Is-serq imur lura sa April u Ġunju, 2021, wara li f’Ġunju l-akkużat kien spiċċa l-ħabs. Il-maġġoranza tas-serq l-ieħor sar f’Ottubru u Novembru dejjem tal-istess sena. Huwa kien ġie interrogat fid-depot tal-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Lydon Zammit li ta’ spiss jagħmel appell lill-anzjani u vittmi biex jagħmlu rapport mal-Pulizija jew iċemplu fuq in-numru 119.
L-investigazzjonijiet tmexxew mit-Taqsima tar-Reati Vjolenti tal-Pulizija, assistiti mit-Taqsima tas-Central Intelligence u Analysis Unit.
Farrugia nstab ħati wkoll ta’ frodi, li talab għall-karità għad-dannu tal-istess anzjani, u fl-istess żmien iżda fi ġranet, ġimgħat u xhur differenti. Akkużi oħra kienu jinkludu li għamel lotterija pubblika mingħajr ma kellu permess mid-Direttur tal-Lottu u li ħajjar għall-promozzjoni tal-logħob.
Fid-29 ta’ Ġunju ta’ erba’ snin ilu Farrugia kien tressaq il-Qorti mixli, u sussegwentement instab ħati, li fis-17 ta’ Ġunju, f’Santa Luċia, wettaq serqa minn residenza ta’ anzjana ta’ 85 sena, li mmolestaha u li anke mmolesta anzjana oħra ta’ 83 sena.
Dakinhar is-serq kien ukoll sar fid-dawl tax-xemx, għall-ħabta tas-2.00pm, fejn anzjana minnhom insterqilha l-ammont ta’ €200 u li aktar tard immolesta lill-allegata vittma fl-istess triq u għamel l-istess fuq anzjana oħra għall-ħabta tas-6.10pm.
Il-Maġistrat Astrid May Grima kkundannat lil Farrugia għal ħames snin ħabs u ħarġet ordni ta’ trattament ta’ tliet snin biex tgħinu jegħleb il-vizzju tad-droga tiegħu.
Huwa ġie ordnat iħallas €675.90 fi spejjeż tal-Qorti.
L-Ispetturi tal-Pulizija Lydon Zammit u Stephen Gulia mexxew il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>