Il-Partit Nazzjonalista kkundanna b’mod qawwi l-falliment sistematiku tal-Gvern Laburista biex jindirizza l-akbar kriżi ta’ żmienna: it-tibdil fil-klima.
Dan qaluh fi stqarrija d-deputati Eve Borg Bonello, Ryan Callus u Rebekah Borg.
Rapport ġdid mill-Kummissjoni Ewropea jesponi r-realtà xokkanti tas-sitwazzjoni: l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ Malta taħt l-hekk imsejjaħ Effort Sharing Regulation żdiedu b’xejn inqas minn 30.6% fl-2023 meta mqabbel mal-livelli tal-2005 – waħda mill-ogħla żidiet fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Din mhijiex sempliċement ċifra; hija konferma ċara ta’ Gvern li qed imexxi lil Malta fid-direzzjoni l-ħażina.
Għal snin sħaħ, il-Gvern Laburista pprova jgħatti n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu b’ħafna okkażjonijiet ta’ propaganda, diskorsi fl-arja u wegħdi ambjentali vojta. Iżda l-fatti jitkellmu waħidhom: il-Gvern Laburista ma għandu l-ebda rieda politika, viżjoni jew tmexxija serja għall-azzjoni klimatika li għandna bżonn b’urġenza.
Ir-rapport jelenka lista twila ta’ fallimenti:
- Żieda qawwija fl-emissjonijiet u pjanijiet qarrieqa: Minflok ma naqsu, l-emissjonijiet komplew jogħlew. Il-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima (NECP) tal-Gvern stess jindika li sal-2030 se jkun hemm żieda oħra ta’ 29.4% fl-emissjonijiet, meta suppost li Malta għandha obbligu li tnaqqas l-emissjonijiet bi 19%.
- Nuqqas ta’ rieda biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija li tiġġedded: Għalkemm l-livell irrappurtat ta’ 15.1% fl-użu fl-enerġija li tiġġedded fl-2023 juri żieda żgħira, il-mira nazzjonali proposta ta’ 24.5% għall-2030 hija meqjusa bħala “insuffiċjenti” mill-Kummissjoni Ewropea, li tgħid li dan l-ammont għandu jkun mill-inqas 28%. Minbarra f’dan, l-uniku sors serju ta’ enerġija li tiġġedded li għandha Malta hija x-xemx. F’dan il-każ, qed naqgħu lura flok inkunu leaders f’dan il-qasam.
- Nuqqas ta’ miżuri għall-adattament klimatiku: Minkejja l-perikli attwali ċari kaġun tan-nuqqas ta’ ilma, is-sħana estrema u l-livelli tal-baħar li qegħdin dejjem jiżdiedu, il-Gvern għadu ma ħa l-ebda miżuri serji ta’ adattament klimatiku. Għadu ma għamel l-ebda analiżi tar-riskji marbutin mal-vulnerabbiltà tal-klima, aħseb u ara kemm ħareġ b’politika ta’ mitigazzjoni biex jilqa’ għall-impatt tal-klima dejjem tinbidel.
- Nuqqas ta’ progress fl-effiċjenza tal-enerġija u r-rinnovazzjoni tal-bini: Jeżisti nuqqas qawwi fejn tidħol l-effiċjenza tal-enerġija, u b’mod partikolari sar ftit li xejn progress fir-rinnovazzjoni tal-bini (speċjalment residenzjali) waqt li mhix issir promozzjoni biżżejjed ta’ soluzzjonijiet bħall-heat pumps. Is-settur pubbliku stess mhux jagħti l-eżempju.
- L-ebda soluzzjonijiet għat-trasport alternattiv: It-trasport jibqa’ wieħed mill-akbar sorsi ta’ emissjonijiet f’pajjiżna. Hawn issir enfażi fuq kif il-Gvern falla kompletament fejn jidħol it-trasport pubbliku alternattiv. L-infrastruttura tal-EVs għadha nieqsa u l-pjanijiet tal-Gvern dwar kif beħsiebu jnaqqas l-emissjonijiet mhumiex ċari.
- Emissjonijiet dejjem jiżdiedu mill-iskart: Il-Gvern m’għandux pjan għal kif se jnaqqas l-emissjonijiet tal-methane mill-miżbliet eżistenti li qed jimtlew qabel iż-żmien minħabba l-popolazzjoni li qed tikber bla ppjanar.
- Nuqqas ta’ dekarbonizzazzjoni industrijali u R&D: Ma hemmx sforz biex jiġu promossi l-idroġenu rinnovabbli fl-industrija jew biex jiżdied l-investiment li tant huwa kruċjali fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) dwar l-enerġija nadifa.
- Falliment fl-użu tal-art: M’hemmx biżżejjed rieda u hemm nuqqas ta’ pjan serju biex jintlaħqu anke l-aktar miri baxxi marbutin mat-tneħħija tal-emissjonijiet mill-gassijiet serra mill-użu tal-art, il-bidliet fl-użu tal-art, u l-art forestali, u dan qed ikompli jżid il-carbon footprint.
L-implikazzjonijiet ta’ dan kollu huma ċari: pajjiż immexxi b’negliġenza, inkompetenza u nuqqas ta’ viżjoni għall-ġejjieni, waqt li l-familji qed ikomplu jbatu l-konsegwenzi: tniġġis, kontijiet ogħla, riskji għas-saħħa u futur inċert għal uliedna. Il-Partit Nazzjonalista jappella għal bidla immedjata u drastika biex inbiddlu r-rotta:
- Politika li tpoġġi l-Klima l-Ewwel: It-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà għandhom jitpoġġew fil-qofol ta’ kull deċiżjoni li tittieħed b’rabta mal-politika pubblika u l-investiment.
- Investiment aħdar qawwi u ffukat:
- Enfażi akbar biex jinstabu sorsi alternattivi ta’ enerġija li tiġġedded apparti s-sussidji fuq l-enerġija solari. Din tista’ tkun opportunità unika għall-qasam tal-R&D lokali u s-sħubija bejn il-gvern u l-privat.
- Jgħaġġel il-proċess biex ikollna l-ewwel proġetti offshore tal-enerġija li tiġġedded, fosthom sorsi ta’ enerġija mix-xemx u r-riħ, b’permessi simplifikati.
- Rivoluzzjoni fil-qasam tat-trasport sostenibbli, inkluż espansjoni rapida tal-infrastruttura taċ-chargers tal-karozzi elettriċi (EV), miżuri konkreti biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi u trasport pubbliku effiċjenti.
- Programm nazzjonali biex issir rinnovazzjoni qawwija tal-bini ħalli jkun hawn aktar bini li jkun energy-efficient, speċjalment bini li jeżisti diġà, u prijorità lill-elettrifikazzjoni tas-sistemi tal-heating permezz tal-użu ta’ heat pumps.
- Promozzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-industrija u investiment sostanzjali f’R&D marbut mal-enerġija nadifa.
- Kontabbiltà politika u NECP kredibbli: Trid tinġarr kontabbiltà politika għal dan il-falliment tal-obbligi ta’ Malta marbutin mal-klima, u reviżjoni sħiħa u trasparenti tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima biex jiġi konformi mal-miri tal-UE u r-realtajiet xjentifiċi tal-lum.
Il-Gvern Laburista falla lil Malta – mhux darba, iżda b’mod ripetut. Wasal iż-żmien li bħala poplu Malti ngħidu daqshekk, u nitolbu li jkollna futur aħjar u sostenibbli.
//= $special ?>