Lokali Saħħa

Il-Ministru Abela sar “arroganti mal-elettorat tiegħu – qed jibqa’ jinjorana”

Il-poter qiegħed jitlagħlu għal rasu, mhux qiegħed jagħtina widen.

Dan intqal minn numru ta’ persuni li tkellmu ma’ Net News b’reazzjoni għall-pożizzjonijiet li qed jieħu l-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela.

Huma tkellmu fuq bażi ta’ anonimità għaliex fi kliemhom jibżgħu minn xi vendikazzjoni politika, fejn saħqu li lill-Għawdxin Abela injorahom totalment. Fejn insistew li l-Ministru użahom għall-vot biss.

Dawk li tkellmu ma’ dan l-istazzjon saħqu li l-karattru ta’ Abela beda jieħu xejra differenti, u jkanġi f’arroganza politika mal-mhedda taż-żmien, partikolarment malli l-Prim Ministru tah il-kariga ta’ Ministru għas-Saħħa… biex ħa post Chris Fearne.

Dan kollu mhux biss jixhduh dawk li esprimew ruħhom magħna, iżda anke diversi kummenti fuq il-midja soċjali tal-Ministru Abela – fost oħrajn dwar l-appuntamenti fl-isptarijiet, partikolarment fejn jidħlu l-anzjani li jħabbtu wiċċhom ma waiting lists ma jispiċċaw qatt. B’uħud jgħidu li l-istat ma ssibux.

Oħrajn jittalbu biex xi ħadd iweġibhom lura; filwaqt li saħansitra esprimew id-diqa u l-frustrazzjoni tagħhom fuq il-fatt li l-appuntamenti tagħhom jispiċċaw jiġu posposti kontinwament… u jispiċċaw ikollhom imorru jħallsu privat għaliex ma jifilħux l-uġigħ.

Intant, persuna saħansitra attakkat lill-Ministru u talbitu jerfa’ responsabbiltà politika fuq każ partikolari – li mid-diskors tal-persuna involuta, il-Ministru Jo Etienne Abela jaf il-każ sew.

Finalment, huma insistew li d-Deputati Laburisti jinteressahom biss mill-prositijiet u l-voti… bil-vulnerabbli jsofru fis-silenzju.