Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-faqar fost it-tfal jista’ jiġi eradikat

Quddiem l-istatistika li turi żieda fit-tfal fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, hu obbligu tal-Gvern li jaħdem biex ebda tifel jew tifla ma jaqgħu lura.

It-tfal Maltin u Għawdxin għandhom dritt jgħixu ħajja dinjituża, b’opportunitajiet indaqs u futur aħjar.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ u x-Shadow Minister għall-Familja Albert Buttigieg wara li ċifri ppubblikati mill-UE fl-aħħar jiem urew li 26% tat-tfal f’Malta jinsabu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

Dan il-perċentwal għall-2024 huwa l-ogħla mill-2017 lil hawn, bl-ammont ta’ tfal f’Malta fir-riskju tal-faqar qed ikompli jiżdied sena wara sena, u skont l-istatistika tal-Eurostat, illum jinsab f’livell ogħla mill-medja tal-Ewropa li kuntrarju għas-sitwazzjoni ta’ Malta, naqset mill-2023. Malta għandha s-seba’ l-ogħla rata minn fost l-Istati Membri tal-UE.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-bini tal-Aġenzija Appoġġ, kienet spjegata l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista biex il-faqar ikun eradikat anke fost it-tfal.

Ivan Bartolo qal li l-faqar mhux inevitabbli, iżda sitwazzjoni li tasal minħabba deċiżjonijiet politiċi. Tenna li min jgħid li qed noħolmu meta ngħidu li dan jista’ jiġi eradikat, jiżbalja. Hu semma pajjiżi bħall-Iżvezja, id-Danimarka u n-Norveġja, li rnexxielhom jindirizzaw il-faqar b’politika soċjali mmirata li tittrasforma żvantaġġ f’opportunità.

Ix-Shadow Minister qal li ma nistgħux nibqgħu naċċettaw li xi tfal jaqgħu lura għax twieldu f’ċirkostanzi diffiċli. Hu għalhekk li għandna nħaddnu politika li tħares lejn kull tifel u tifla bħala investiment fil-preżent u fil-futur ta’ pajjiżna. Din trid tkun tinkludi sistema tal-kura tat-tfal u edukazzjoni bikrija li jilħqu lit-tfal u jbegħduhom mir-riskju tal-faqar, u anke mezzi biex l-ebda tifel jew tifla ma jħossuhom żvantaġġjati fl-ewwel snin tal-edukazzjoni obbligatorja filwaqt li fil-primarja u s-sekondarja rridu niżguraw li t-tfal li jkunu fir-riskju tal-faqar ma jaqgħux lura u jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa.

Graziella Attard Previ saħqet li l-PN huwa impenjat li jindirizza l-faqar fost it-tfal għax dan huwa obbligu morali u għax huwa dritt fundamentali ta’ kull tifel u tifla li jgħixu ħajja dinjituża. It-tfal għandhom id-dritt jgħixu tfulija hienja u b’dinjità, kif hemm imnaqqax fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Hi fakkret li t-tfal fil-faqar ikollhom aktar riskju ta’ problemi ta’ saħħa mentali, nutrizzjoni ħażina, diffikultajiet fl-iskola u stima personali baxxa. Għaldaqstant irridu naraw li t-tfal kollha jingħataw opportunitajiet indaqs biex jimxu ’l quddiem u jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-potenzjal sħiħ tagħhom. Ix-Shadow Minister tenniet li kull dewmien biex nindirizzaw dawn ir-realtajiet iwassal għal konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u umani fit-tul.

Albert Buttigieg enfasizza l-ħtieġa li nsaħħu lill-familji bi proposti li jevitaw li aktar tfal jispiċċaw fil-periferija tas-soċjetà għax it-tfal huma riflessjoni tad-dinamika tal-familja. Dan hekk kif familji f’diffikultà jistgħu jwasslu għal tfal li jħossuhom aktar vulnerabbli quddiem l-isfidi tal-ħajja. Hu żied li, filwaqt li jilqa’ l-pjan soċjali li nieda m’ilux il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika aktar olistika, li tmur lil hinn mill-għajnuna finanzjarja, fosthom b’appoġġ edukattiv, psikoloġiku u komunitarju.

Quddiem dan kollu, ix-Shadow Ministers tennew li Gvern ġdid Nazzjonalista jmexxi politika li tkisser iċ-ċiklu tal-faqar u li tagħti futur aħjar lil kull tifel u tifla f’pajjiżna. Dan permezz ta’ miżuri preventivi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal:

  • Aċċess għall-edukazzjoni: Assigurazzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għat-tfal tista’ tkisser iċ-ċiklu tal-faqar u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg fil-futur
  • Kura tas-saħħa u nutrizzjoni: Kura tas-saħħa adegwata u nutrizzjoni jgħinu biex jiġu evitati malnutrizzjoni u mard, u tittejjeb il-benesseri ġenerali tat-tfal
  • Programmi ta’ protezzjoni soċjali: Inizjattivi tal-gvern bħal benefiċċji tat-tfal u assistenza soċjali mmirati li jgħinu lill-familji jilħqu l-ħtiġijiet bażiċi
  • Sigurtà ekonomika għall-familji: Appoġġ lill-ġenituri b’impjiegi stabbli, pagi ġusti, u għajnuna finanzjarja jiżguraw li t-tfal jikbru f’ambjent sikur
  • Appoġġ komunitarju u parteċipazzjoni tat-tfal: Li t-tfal jiġu mħeġġa jipparteċipaw f’dak li hu tagħhom bi dritt u fi dmirijiet ċiviċi jsaħħaħ l-awtonomija tagħhom u jippromwovi bidla fit-tul.