Il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien ivvota favur il-konċessjoni ta’ Manoel Island lill-konsorzju MIDI biex isir il-proġett propost.
Dan sostnietu d-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg f’dibattitu parlamentari dwar mozzjoni mressqa minnha biex temenda l-Avviż Legali dwar il-Permessi Ambjentali lbieraħ.
Fid-dibattitu parlamentari tkellmu d-Deputati Nazzjonalisti Rebekah Borg, Darren Carabott, Stanley Zammit u Albert Buttigieg waqt li għall-gvern tkellmu l-Ministru Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Glen Bedingfield u d-Deputat Laburista Cressida Galea.
F’dan id-dibattitu l-gvern ma ħax il-ħin kollu allokat lilu u għalhekk is-seduta spiċċat qabel.
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet li din il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni se tressaq emendi biex tirregola l-impjanti tal-asfalt fil-lokalitajiet u spjegat li r-residenti ma jistgħux jitħallew ibatu għal erba’ snin minħabba l-kwistjoni tal-clearance. It-termini u l-kundizzjonijiet għandhom ikunu magħrufa kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-industrija, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-clearance għandha titnaqqas għal sentejn.
Hi semmiet il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u t-trasparenza u nsistiet fuq l-indipendenza tal-ERA. Minkejja li hemm problemi finanzjarji kbar fl-ERA, m’għandhomx jiddaħħlu ħlasijiet bil-moħbi, sostniet Rebekah Borg.
Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li jippretendi gvern li jgħid li hu ambjentalista iżda li jkun verament favur l-ambjent, iżda l-gvern hu intenzjonat biss li joħloq firda anki dwar din il-mozzjoni. Il-PN qed iressaq mozzjoni li ttejjeb is-sitwazzjoni preżenti, sostna Darren Carabott.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa x’pożizzjoni għandu l-gvern dwar din il-mozzjoni u żied li għal dawn l-aħħar sentejn il-gvern baqa’ ma ħax pożizzjoni dwar il-mozzjoni tal-PN biex l-ambjent isir dritt fundamentali tal-bniedem. Hu appella għal politika matrua biex il-gvern jifhem u jaċċetta l-proposti tal-Oppożizzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal li dan il-qafas regolatarju qedj jintorudċi strutturali regolatorja meħtieġa u għalhekk il-PN qed jiffoka fuq is-setturi li jimminaw din l-istruttura fosthom ir-rappreżentazzjoni ta’ partijiet terzi. Hu tkellem dwar il-clearance valida għal sena, id-dritt ta’ appell, il-konsultazzjoni pubblika limitata u sostna li s-silenzju tal-awtoritajiet m’għandux ifisser approvazjoni għall-impjanti.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-limitati arbitrarji f’każi ta’ impjanti żgħar li jista’ jkollhom effetti kbar. Hawnhekk il-PN qed jipproponi li s-sitwazzjoni titkejjel bir-riskju.
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal li hawn qbil li ċerti industriji filwaqt li jagħtu kontribut għall-ekonomija tal-pajjiż u numru ta’ familji jgħixu fuq dawn l-industriji, imma dawn qegħdin iħallu impatt u effetti negattivi fuq l-ambjent u l-kwalità tal-arja u allura anke fuq il-livell ta’ għajxien taċ-ċittadini tagħna.
Hu qal li Illum hemm qbil li ċerta attività kummerċjali qegħda mhux biss tħalli effett u impatt negattiv fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, imma saħansitra anke effett u impatt fuq il-klima.
Albert Buttigieg sostna li residenti fl-Iklin, San Ġwann u s-Swieqi qed jitolbu biex l-impjant ta’ tarmac tal-Birmac li jinsab bejn San Ġwann u L-Iklin ikun regolarizzat. Għal diversi drabi, ir-residenti jxommu rwejjaħ kbar ta’ qatran li ma jħallu lil ħadd joħroġ fil-gallarija jew inkella jiftaħ tieqa. Dan jiġri għaliex dan l-impjant qiegħed jipproduci 350 tunnellati ta’ asfalt f’kull siegħa.
Fi tmiem id-dibattitu, id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet li r-riżoluzzjoni ta’ Manoel Island kienet għaddiet b’mod unanimu fil-Parlament bil-PL fl-Oppożizzjoni jivvota favur. Hi staqsiet kemm inġabru multi li nħarġu mill-ERA u qalet li hu l-gvern li qed jagħmel ħsara lill-pajjiż billi għadu jitfa’ d-drenaġġ fil-baħar.
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet li ma tistax tifhem kif il-gvern qed jgħid li fl-ambjent kollox miexi sew. Hi staqsiet ukoll jekk il-gvern huwiex qed jagħlaq il-bibien dwar Manoel Island.
//= $special ?>