Matul il-laqgħat ta’ aġġornament għall-kleru ta’ din is-sena, is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi ġew imħeġġa jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-vokazzjonijiet. Ispirati mill-episodju tal-Vanġelu tad-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws, il-laqgħat kienu mqassma fuq tliet temi prinċipali: li niltaqgħu, nisimgħu u nirrispondu.
Biex jiffaċilitaw dan il-proċess ta’ riflessjoni u djalogu, ġew mistiedna Lawrence Zammit mill-kumpanija MISCO; u Patri Frankie Cini MSSP; li ppreżentaw ir-realtà tal-vokazzjonijiet f’Malta u għenu lis-saċerdoti jirriflettu fuq kif is-soċjetà Maltija tħares lejn is-saċerdot.
Dun Sinclair Bugeja offra riflessjoni fuq l-Iskrittura, b’enfasi fuq dak li tgħid il-Kelma t’Alla dwar il-vokazzjonijiet. Il-ġurnalist Mark Laurence Zammit, min-naħa tiegħu, stieden lis-saċerdoti biex jaħsbu dwar kif jistgħu jwasslu l-messaġġ tagħhom fid-dinja tal-lumb’mod iktar effettiv. Id-Direttur taċ-Ċentru Vokazzjonijiet tas-Seminarju, Dun James Saydon; ta rendikont tal-ħidma li qed issir fiċ-Ċentru. Barra minn hekk, ipprovda suġġerimenti prattiċi, pariri u ideat għall-parroċċi u ċentri oħra, bil-għan li l-promozzjoni tal-vokazzjonijiet tkun responsabbiltà ta’ kulħadd.
Fl-aħħar tat-tlett ijiem, is-saċerdoti kellhom ukoll l-opportunità li jaqsmu l-ħsibijiethom fi gruppi u jiddiskutu x’inhu t-tiġdid li l-Mulej qiegħed jistedinna għalih fil-qasam tal-vokazzjonijiet. Tkellmu wkoll dwar kif jistgħu jgħixu s-sejħa tagħhom b’mod aktar awtentiku sabiex żgħażagħ oħra jirrispondu għas-sejħa bħalhom, kif ukoll kif il-kreattivà tista’ tagħti perspettiva differenti u tama ġdida waqt li jaffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum.
L-Aġġornament tal-Kleru ntemm b’mument ta’ adorazzjoni u messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna fejn fakkar li l-vokazzjonijiet huma responsabbiltà tal-Knisja kollha kemm hi, imma b’mod speċjali tas-saċerdoti li huma l-aqwa ambaxxaturi tas-sejħa.
L-Aġġornament tal-Kleru ġie organizzat bejn s-26 u t-28 ta’ Mejju 2025 fis-Seminarju tal-Arċisqof.
