Lokali Qorti

Il-verdett fil-ġuri marbut mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Carmel Chircop mistenni l-Ħamis

Ritratt: Martin Agius

Il-ġuri ta’ erba’ rġiel akkużati li kienu involuti fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop wasal fl-istadji finali tiegħu hekk kif l-Imħallef Edwina Grima kompliet tindirizza lill-ġurati fil-jum tal-Erbgħa u li dan għandu jiġu fi tmiemu l-Ħamis filgħodu fejn imbagħad il-ġurati jintbagħtu jiddeliberaw sabiex jaslu għall-verdett.

Il-ġuri issa daħal fis-36 jum tiegħu u ilu għaddej sa mill-24 ta’ April li għadda,  Bl-użu ta’ ‘PowerPoint presentation’ l-Imħallef kompliet tispjega l-każijiet kumplessi u separati ta’ qtil lill-ġurati. Hija qalet li b’kollox hemm seba’ kapi ta’ akkużi imma li kull każ għandu jiġi ġudikat għalih. Biex tgħin il-ġurati u tagħmlilhom il-ħajja iktar faċli, l-Imħallef Grima tat lill-ġurati il-lista tax-xhieda li ddeponew fil-każ ta’ Caruana Galizia u dawk li xehdu dwar l-Avukat Chircop.

L-Imħallef għaddiet ukoll lill-ġurati sommarju tax-xhieda li ngħatat fil-Qorti, anke jekk kellmithom dwar l-importanza li jisimgħu r-recordings biex jieħdu stampa iktar ċara. Ir-rwol tal-indirizz fost oħrajn huwa biex skont il-liġi jingħataw direzzjoni dwar x’għandhom iqisu u x’għandhom iwarrbu

Hija qrat ukoll passaġġi minn xhieda importanti fil-ġuri li ddeponew fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dan biex tiffriska l-memorja tal-ġurati dwar il-każ. Il-ġurija hija komposta minn ħamest irġiel u erba’ nisa.

Żewġ irġiel, Robert Agius, magħruf bħala Ta’ Maksar, u Jamie Vella huma akkużati li pprovdew l-isplussiv ta’ grad militari użat biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-qtil li seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2015 fuq l-avukat Carmel Chircop, li l-prosekuturi jallegaw li l-qtil tiegħu twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u r-raba’ akkużat, George Degiorgio. Huma kollha jiċħdu li għamlu xi ħaġa ħażina.

L-imħallef spjegat il-prinċipji ġenerali tal-liġi lill-ġurati qabel ma bdew jiddeliberaw dwar il-każ. Qalet li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li kull persuna akkużata bi kwalunkwe reat hija kkunsidrata innoċenti sakemm tiġi ppruvata ħatja, li huwa prinċipju fundamentali fil-liġi kriminali.

Hija fakkret lill-ġurati li mhuwiex ir-rwol tagħhom li jinvestigaw jew jimmaġinaw evidenza fejn ma teżistix. Tkellmet ukoll dwar l-evidenza miġjuba fil-Qorti li tikkonsisti f’xhieda ordinarji li jixhdu dwar fatti magħrufa lilhom, esperti minn oqsma differenti maħtura biex jgħinu fl-investigazzjoni u fl-inkjesta, fost oħrajn.

Hemm ukoll evidenza dokumentarja li tikkonsisti f’rapporti, flus, esebiti u dikjarazzjonijiet tal-akkużati. L-evidenza tista’ tkun diretta jew indiretta hekk kif l-imħallef spjega fid-dettall xi tfisser din u l-importanza tal-katina tal-evidenza.

Dwar il-kredibbiltà tax-xhud, l-imħallef qalet li din kienet difiża mmexxija mill-akkużati permezz tal-avukati tagħhom hekk kif iddubitaw il-kredibbiltà tax-xhud ewlieni f’dan il-ġuri.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.