Lokali Qorti

Mixlija li qabdet sikkina u tajret bil-karozza lil missier it-tfal tagħha

Mara ta’ 23 sena, residenti l-Birgu, ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li ġiet mixlija li qabdet sikkina u li tajret bil-karozza lil missier it-tliet uliedha, li għandhom seba’, ħamsa u tliet snin rispettivament. Il-missier li għamel ir-rapport kontriha, qal fil-Qorti li huwa ma riedx ikompli bil-proċeduri kontriha, madankollu l-każ se jibqa’ għaddej.

Il-mara li li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba l-ulied minuri, wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha u li qalet li ma taħdimx, ġiet mixlija li nhar it-Tnejn li għadda f’Raħal Ġdid bdiet thedded lil missier uliedha b’sikkina u li fil-25 ta’ Mejju li għadda saqet karozza Toyota għal fuq l-allegat vittma.

Hija ġiet mixlija wkoll li għamlet ħsara fid-dar tal-vitma li ma jiskorrix l-€2,500 iżda ta’ iktar minn €250, u li inġurjat, użat kliem ta’ theddid lil missier uliedha bil-kliem.

Fi Frar li għadda r-raġel li huwa minn Ħal Tarxien, ġie kkundannat għal tliet xhur ħabs sospiżi għal sena wara li l-Qorti tal-Appell kienet ikkunsidrat li l-ġrieħi li kkaġuna lill-eks sieħba tiegħu kienu ta’ natura ħafifa u ta’ importanza żgħira.

Huwa kien mixli li fit-7 ta’ Diċembru 2022, ħebb għall-eks sieħba tiegħu waqt argument li seħħ wara seduta fil-Qorti relatata mar-relazzjoni tagħhom. Il-każ seħħ wara li l-mara kienet sabet messaġġi fuq il-mobile tiegħu, li wasslu biex temmet ir-relazzjoni.

Huwa kien instab ħati fis-7 ta’ Novembru 2024 mill-Qorti tal-Maġistrati u ġie kkundannat tliet xhur ħabs. Madankollu, appella mis-sentenza, u s-sentenza ta’ ħabs effettiva kienet inbidlet f’waħda sospiża. Sadanittant, l-omm ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.

Hija kienet ordnata mill-Maġistrat Jean Paul Grech li tiffirma fl-Għassa ta’ Bormla kull nhar ta’ Tnejn u l-Ġimgħa bejn is-7am u s-7pm.

L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-omm ta’ tlett itfal. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-allegat vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri.