Opinjoni

OPINJONI: Aktar spazju pubbliku? Għaliex le!

Malta hija l-aktar pajjiż iffullat fl-Ewropa
Malta hija fost l-aktar pajjiżi Ewropej b’nuqqas ta’ spazju ambjentali u pubbliku kemm f’termini ta’ proporzjon ta’ art mhux mibnija kif ukoll f’dawk ta’ spazju miftuħ għal kull persuna

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa, Malta għandha wieħed mill-inqas proporzjonijiet ta’ spazju ambjentali u miftuħ għal kull persuna. Dan huwa r-riżultat ta’ diversi fatturi, fosthom id-daqs ġeografiku tal-pajjiż, id-densità għolja tal-popolazzjoni, u ż-żieda ta’ urbanizzazzjoni.

Malta għandha waħda mill-ogħla densitajiet tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha, b’aktar minn 1,600 persuna għal kull kilometru kwadru. Dan jagħmilha l-aktar pajjiż iffullat fl-Ewropa.

Skont rapporti Ewropej fosthom tal-Eurostat, aktar minn 30% tal-wiċċ ta’ Malta huwa urbanizzat, proporzjon sinifikanti meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fejn l-urbanizzazzjoni normalment hija bejn 10-15%. Madankollu, dan huwa mistenni minħabba d-daqs tal-art. Skont l-istandards internazzjonali, għandu jkun hemm mill-inqas 9m² ta’ spazju aħdar għal kull persuna fil-bliet, iżda f’Malta, ħafna lokalitajiet (speċjalment il-bliet il-kbar bħal Tas-Sliema, il-Gżira, Birkirkara u l-Ħamrun) ma jilħqux dan l-istandard.

Minkejja li Malta għandha madwar 13% tal-art tagħha klassifikata bħala Natura 2000 (zoni protetti mill-Unjoni Ewropea), ħafna minn dawn l-oqsma mhumiex aċċessibbli faċilment għall-pubbliku jew huma mhedda mill-iżvilupp.

Inħarsu l-ispazji miftuħa

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, huwa ċar li Malta hija fost l-aktar pajjiżi Ewropej b’nuqqas ta’ spazju ambjentali u pubbliku – kemm f’termini ta’ proporzjon ta’ art mhux mibnija kif ukoll f’dawk ta’ spazju miftuħ għal kull persuna. Għalhekk huwa essenzjali li jsir sforz kordinat, anki bejn il-partiti ewlenin, biex jitħarsu l-ispazji li għad fadal u jinħolqu oħrajn ġodda fejn huwa possibbli.

Dan ngħidu għaliex f’Malta, l-ispazji pubbliċi huma essenzjali mhux biss għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, iżda wkoll għall-ambjent, għas-saħħa mentali, u għall-koeżjoni soċjali. Madankollu, minħabba l-iżvilupp bla waqfien u l-pressjoni fuq l-art, l-ispazju pubbliku qed isir dejjem aktar rari, partikolarment fiz-zoni urbani fejn l-ispazju għal ġonna u spazji ħodor oħra huwa limitat ħafna.

Għalhekk hemm bżonn urġenti li jsir sforz nazzjonali biex jiżdied u jitħares dan l-ispazju, u biex jitqiegħed il-bżonn tal-komunità qabel l-interessi kummerċjali.

F’dawn l-aħħar snin, Malta rat żieda drastika fl-iżvilupp urban u fi proġetti kbar ta’ kostruzzjoni, u li ħafna minnhom iġibu stmerrija u kritika lill-politiċi u bir-raġun. Dan wassal għal telf sinifikanti ta’ art pubblika jew mhux mibnija. Spiss naraw li spazji li qabel kienu jintużaw mill-pubbliku issa qed jiġu żviluppati fi blokok ta’ appartamenti, uffiċċji, lukandi jew stabbilimenti oħrajn. Dan huwa allarmanti f’pajjiż żgħir bħalma huwa tagħna, fejn id-densità tal-popolazzjoni hija waħda mill-ogħla fl-Ewropa bħalma diġà fissirt.

La darba l-politika tal-Gvern tistrieħ fuq iż-żieda ta’ aktar nies, apparti li dan irid aktar bini għall-akkomodazzjoni, irid ukoll bżonn urġenti għal aktar spazju pubbliku.

Obbligu li nisimgħu dak li qiegħed jgħid il-poplu

Il-każ ta’ bħalissa, dwar Manoel Island mhux qiegħed fil-kontroversja għalxejn. Din il-gżira ċkejkna, li tinsab bejn il-Gżira u Ta’ Xbiex, ilha suġġett ta’ kontroversja għal snin sħaħ minħabba l-pjanijiet għall-iżvilupp tagħha. Din hija art li l-pubbliku b’mod ġenerali qiegħed juru r-rieda li jirbaħha lura biex tkun tiegħu mill-ġdid.

Filwaqt li hemm proposti għall-iżvilupp ta’ spazji residenzjali u kummerċjali, u dan għandu jkun mifhum, ħafna qed jisħqu li Manoel Island għandha tiġi żviluppata b’mod speċifiku li tipprovdi spazju miftuħ għall-pubbliku. Ċertament hija art kbira biżżejjed biex tkun pulmun fil-qalba tal-bini.

L-iżvilupp responsabbli jista’ jgħaqqad il-bżonnijiet tal-ekonomija mal-ħtiġijiet tal-komunità, iżda jekk l-iżvilupp ikun biss imsejjes fuq l-interess ekonomiku, tintilef opportunità storika li dan il-post jingħata lura lill-pubbliku.

Għalhekk, filwaqt li nifhem u nirrikonoxxi li jeżisti kuntratt bejn il-Gvern u l-MIDI, il-Gvern huwa mistenni li jkun trasparenti dwar dan. Huwa wkoll fl-obbligu tal-partiti politiċi kollha li jisimgħu dak li qiegħed jgħid il-poplu.

F’dawn l-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista sostna li għandha ssir reviżjoni tal-approċċ lejn l-ispazji pubbliċi f’Malta. Fi stqarrijiet reċenti, il-PN saħaq li l-pajjiż għandu bżonn politika nazzjonali ġdida dwar spazji pubbliċi li tipproteġi u tiżviluppa ġonna, parks u spazji miftuħa, partikolarment fiz-zoni urbanizzati.

Il-PN semma wkoll il-każ ta’ Manoel Island bħala eżempju ta’ kif l-iżvilupp jista’ jmur id f’id ma’ spazju pubbliku: billi l-pubbliku jibbenefika minn aċċess ġenwin għal parti sostanzjali tal-gżira, b’ambjent sostenibbli u li jservi lill-komunità.

Iż-żieda fl-ispazju pubbliku mhijiex biss kwistjoni ta’ estetika jew rikreazzjoni, hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali, ta’ ġid għas-saħħa pubblika u għas-sostenibbiltà. Għal Malta, li diġà qed taffaċċja sfidi ambjentali kbar, iż-żieda u l-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi għandha tkun prijorità nazzjonali lil hinn mill-interessi politiċi partiġġjani.

Dan il-każ attwali dwar l-art ta’ Manoel Island, jagħti ħjiel ċar ta’ kemm hemm bżonn viżjoni aktar ċara u impenjata lejn il-ġid komuni.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 4 ta’ Ġunju, 2025.