mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- F’dan nafu wkoll li hemm dawk li taħseb li ser ikunu promettenti, li ser jimxu sewwa (li però fir-realtà ma jkunux), u fuq in-naħa l-oħra hemm oħrajn li jeħduk il-kontra.
Tgħallimt ngħix ma’ karattri varji. Tgħallimt ukoll ma niġġudikax minn qabel, għalkemm nibqa’ pass lura sabiex ma ninħakimx f’illużjonijiet żbaljati. Inżomm ċertu distanza fl-ideat u fl-analiżi sabiex oġġettivament nipprova nqis sa fejn persuna tasal jew kapaċi twassal. Mhux dejjem naqta’, imma l-esperjenza mexxietni sabiex ikolli polz f’postu.
Ħbieb u inqas
- F’dan hemm dawk li jifhmuk u jibnuk f’wieħed minn dawk li jistgħu jafdaw u li jistgħu jitkellmu miegħu. Fuq in-naħa l-oħra, tagħmel x’tagħmel, trid taċċetta li hemm dawk li flok japprezzawk, jiddisprezzawk.
Għal dan trid tkun irrassenjat. Iktar u iktar għax anke jekk fik ikollok u tagħmel kull sforz sabiex tibni l-pontijiet tal-ħbiberija jew almenu ta’ nuqqas ta’ kunflitt, xorta ser issib min jibqa’ pass ’il bogħod minnek.
Sakemm dan iseħħ fis-soċjetà, fit-triq fost id-dinja żgħira tiegħek wieħed jifhem, imma meta tieħdu fuq livell ogħla l-affarijiet jinbidlu. Għax ma hemmx dubju li dak li hu għaddej fil-kunflitti militari fl-Ukrajna u f’Gaża huma wkoll, ċertament, frott ta’ dan kollu. Bnedmin li jmexxu li ma jistgħux jaraw għajn b’għajn ma’ ħaddieħor. Dawk tant li lesti jiġbdu lill-popli tagħhom fi gwerer li huma finalment inutli u li lesti jħallu ’l ulied pajjiżhom imutu.
Dikjarazzjonijiet
- Ninsabu f’dan fis-sena tad-dikjarazzjonijiet. Ħafna kliem li f’ċertu sens huwa neċessarju sabiex jinbeda u jiġi finalizzat proċess ta’ paċi. Diversi resqu ’l quddiem, ifissru u jgħidu lid-dinja li jekk ikunu huma fil-poter kollox ser jispiċċa f’daqqa.
Imma fil-verità dan baqa’ ma seħħx. Hemm ħidma ferm iktar diffiċli li trid issir, kif l-esperjenza mondjali turi biex il-bnedmin jaqblu, anki jekk ma jistgħux għal xulxin.
F’dan wieħed ma jistax ma jammirax ħidmet il-Vatikan, speċjalment lill-Kardinal Pietro Parolin (1955), li għandu fuq ħoġru r-responsabbiltà diplomatika tas-Santa Sede. F’dawn is-snin serva sew u b’diffikultajiet kbar.
Aġixxa f’diversi kapitali u ċertament kien milqugħ imma f’ebda mument mal-kelmiet diplomatiċi ma rebħuh fuq li tingħad il-verità. Għax il-verità hija l-id tassew li twassal biex ikun hemm ftehim fit-tul u li jġib lill-bnedmin f’daqqa.
F’dan iż-żmien
- Il-Kardinal Parolin ma qagħadx lura milli jikkundanna dak li hu għaddej ġewwa Gaża. Il-pożizzjoni tibqa’ dejjem għalina lkoll inaċċettabbli u kundannabbli.
Ma nafx kif wieħed jista’, b’xi mod, jiġġustifika tant atroċitajiet u azzjonijiet ħżiena, l-iktar fuq soċjetà innoċenti li għandha biss marka waħda: dik li hija Palestinjana u abbandunata. Azzjonijiet ħżiena ma jwelldux frott iżda jġibu biss imrar.
Aktar ma jsiru aktar ikattru riżentimenti għall-preżent u ċertament aktar għall-futur. Iktar u iktar meta s-soluzzjonijiet għall-kunflitti bejn l-Istat ta’ Iżrael u dak Palestinjan, flok ġew f’punt ta’ qbil żiedu dawk tal-kunflitt. Żdiedu aktar ir-raġunijiet għala wieħed ma jistax jaqbel ma’ dak li qiegħed isir. Forsi wasalna fil-punt li jkollna ideat ftit differenti milli kellna.
Hussein al-Sheikh (1960)
- Tul din il-ġimgħa kien hemm intervista interessanti ma’ dan il-bniedem, li huwa s-suċċessur futur ta’ Mahmoud Abbas (1935) fit-tmexxija tal-poplu Palestinjan u l-partit politiku Fatah.
Fil-ġurnal Avvenire, li ħafna drabi jsegwi dak li d-diplomazija Vatikana fl-għerf tagħha twassal, qiegħed jibdel ix-xenarju. Jidher li qiegħed jikkunsidra li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati li jgħixu ma’ xulxin, b’Ġerusalemm maqsuma, mhix ser tirnexxi.
Qiegħed, naħseb, b’kuraġġ kbir joffri li jkun hemm stat wieħed fejn iż-żewġ popli jgħixu f’daqqa u indaqs, b’Ġerusalemm il-kapitali tagħhom it-tnejn. Huwa pass fil-politika t-tajba li taf tibdel il-bilanċ tal-estremiżmu li l-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu (1949) għaddej żbaljatament bih. Dan għax kull poplu jrid jgħix fil-libertà u fil-paċi.
Nittamaw
- F’dan wieħed jifhem aktar kemm din ser tkun diffiċli, imma fl-istess ħin jittama li tkun, jekk mhux il-bażi ta’ ftehim, parti minnha biex wieħed iħares lejn il-futur. F’dan, però, ħidmietna tibqa’ dik li nkunu parti mill-verità li trid tibqa’ tingħad.
Nikkundannaw dak li huwa żbaljat u naħdmu favur dinja aħjar milli għandna. Pajjiżna għandu vuċi importanti f’dan kollu. Inkompli nittama li nkomplu neżerċitawha b’iktar saħħa u determinazzjoni. Huwa b’hekk li nistgħu nkunu parti minn bidliet li jagħlqu kapitoli li ilhom miftuħin snin twal.
Nittamaw għalhekk, dejjem iktar, fil-bidliet it-tajba.