Żagħżugħ ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar li qal li jaħdem bħala barbier, tressaq il-Qorti mixli li seraq ammont sostanzjali ta’ deheb u li ħebb għall-eks sieħba tiegħu.
Denzil Bartolo li tressaq quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, ammetta li seraq id-deheb mir-residenza tal-eks tfajla tiegħu, li dan ilaħħaq il-valur ta’ madwar €11,000. L-informazzjoni dwar il-valur ġiet ikkonfermata minn sorsi qrib l-investigazzjoni.
Wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, li fil-fatt ikkonferma, huwa ingħata multa ta’ €2,000 u kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, flimkien ma’ ordni ta’ trażżin lill-ħati fil-konfront tal-vittma. Il-Qorti wissiet lil Bartolo li jekk jerġa’ jikser dufrejh mal-liġi, se jispiċċa l-ħabs.
“Tersaqx lejn il-vittma, għax tispiċċa ħażin u jekk għandek xi issues magħha, kellem avukat, ” qal il-Maġistrat Grech lill-ħati. Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ fis-sgħat bikrin tat-Tnejn kmieni filgħodu, meta l-vittma allegatament semgħet ħoss fid-dar tagħha fil-Belt Valletta u, b’sorpriża, sabet lill-imputat rieqed fuq is-sufan.
Biex tevita konfrontazzjoni quddiem bintha ta’ età tenera, hi stenniet sakemm wasslitha l-iskola qabel tikkonfronta lill-akkużat. Madankollu, skont il-verżjoni tal-prosekuzzjoni, meta qajmet lill-akkużat, dan allegatament ħebb għaliha b’siġġu u kkaġunalha biża’ u ġrieħi ħfief.
Hija għalhekk marret tagħmel rapport fil-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta. Aktar tard, meta reġgħet lura d-dar, intebħet li diversi oġġetti kienu nieqsa, inkluż l-imsemmi deheb, li sussegwentement wassal għall-investigazzjoni u l-arrest ta’ Bartolo.
L-akkużi kontra Bartolo jinkludu serq ta’ valur għoli, vjolenza domestika b’aggravanti, li kkaġuna biża’ fil-konfront tal-vittma, li ħebb għaliha b’intenzjoni li jweġġagħha u li aġixxa barra mil-limiti tal-provokazzjoni.
L-Avukat Franco Debono, għan-nom tal-mara, qal lill-Qorti li l-klijenta tiegħu hija sodisfatta f’dan l-istadju peress li missier l-akkużat għaddielha d-deheb kollu li nsterqilha. Dwar is-sottomissjonijiet rigward il-piena, l-Avukat Debono qal li l-fatt li d-deheb ġie ritornat, se joqgħod fuq dak li tiddeċiedi l-Qorti. Id-difiża qablet u rringrazzjat lill-partijiet għal koperazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Antonello Magro u Gabriella Micallef flimkien mal-Avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mexxew il-prosekuzzjoni. Għal Bartolo deher l-Avukat Matthew Xuereb filwaqt li l-Avukat Franco Debono u Marion Camilleri dehru bħala parte civile fil-każ.