Lokali Qorti

Tammetti li bdiet thedded fuq Facebook lill-eks sieħeb u ppruvat ittajru bil-karozza

Mara ta’ 47 sena residenti San Ġwann ammettiet quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li nhar it-Tlieta li għaddew ipprovat ittajjar bil-karozza tagħha lill-eks sieħeb tagħha u li wżat kliem ta’ thedded fuq Facebook fil-konfront tiegħu fejn fost oħrajn qaltlu li kienet se taħraqlu l-għalqa.

Hija tqiegħdet taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn u nħareġ ordni ta’ trattament ukoll għall-perjodu ta’ sentejn minħabba l-problema ta’ droga. Hija ġiet immultata wkoll €150. Il-Qorti qaltilha li se jkollha s-servizz ta’ uffiċjal ta’ probation biex tingħata l-għajnuna u ma tersaqx lejn l-eks sieħeb tagħha,

Hija ammettiet ukoll li kkaġunat biża’ li kienet se tintuża vjolenza kontrih u dan permezz ta’ apparat elettroniku. L-Ispettur Colin Sheldon qal lill-Qorti li l-eks sieħeb tal-akkużata spjega li huma kienu ilhom madwar tliet ġimgħat mhux flimkien u qalilha biex imorru dawra bil-karozza, u hi aċċettat.

Irriżulta li ftit ilu l-allegat vittma ħareġ mal-eks sieħba tiegħu li kien jaf qabel ma kien jaf lill-akkużata. Hawn hi ma ħaditx pjaċir u qaltlu li ma tridx taf bih, u wara xi sagħtejn wassalha d-dar, anke jekk wara kien reġa’ mar għaliha.

Wara bdew jibgħtu lil xulxin fuq messenger u li hi bdiet tgħidlu bil-każ li kellu ma’ mara fil-passat, u qaltlu li jekk imur id-dar tagħha kienet se tweġġgħu hi.

Sadanittant qal l-Ispettur Colin Sheldon din is-saga kompliet fejn hi marret id-dar ħdejn l-mara l-oħra, iżda ma sabitx id-dar, u wara marret ħdejn l-eks sieħeb tagħha u pprovat ittajru bil-karozza u qabdet ħadida għalih.

L-Ispettur ikkonferma li pprovat ittajru iżda ma laqtitux. Huwa ġarrab ukoll xi ġrieħi ħfef u li l-vittma qal li hedditu li tmur u taħraqlu l-għalqa. Sheldon qal ukoll li sar assesment li huwa magħmul għall-irġiel, fejn spjega li hemm wieħed differenti għal risk assement tan-nisa u li hemm ieħor għall-familja.

Qal li dan irriżulta li kien ‘high risk’. Tenna li wara li kienet arrestata deher viżibbli wkoll li hi kellha xi ġrieħi u ttieħdet il-klinika tal-Floriana. Tenna li hi kkonfermat li se tagħmel rapport kontra l-eks sieħeb tagħha. Dan għax wara kien magħruf miċ-ċentru tas-saħħa li hija sofriet ukoll minn xi ġrieħi.

Għall-mara dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.