Futbol Lokali Sport

Żurrieq FC maħsud bit-telfa tal-ikona Pawlu Bonnici

“Il-klabb tal-football ta’ Żurrieq FC jinsab maħsud ghat-telfa mhux mistennija ta’ wieħed minna.” – Pawlu Bonnici. Pawlu kien jokkupa l-kariga ta’ Team Manger – imma fil-verità kien jagħmel ferm aktar minnhekk. Din hija l-kelma fil-fomm ta’ kull Żurrieqi li jinsab imnikket bit-telfa mhux mistennija ta’ dan l-ikona.

Kullħadd l-istess kelma. Dan id-diskors tal-President Dino Bonnici u l-kumitat kollu fejn ingħad li Pawlu kellu mħabba u passjoni bla qies għall-club. Il-preżenza tiegħu f’kull logħba tat-tim tal-kbar kienet waħda ta’ impenn u dedikazzjoni kbira.

“It-tim li hu l-mimmi ta’ għajnejna lkoll u kien għal Pawlu l-għożża ta’ ħajtu, flimkien mal-maħbuba ommu Margaret. Fiha u f’missieru Ray imorru l-ħsibijiet tagħna f’dan il-mument tant diffiċli u ta’ sogħba kbira,” qed jingħad f’kull rokna tar-raħal.

Għaż-Żurrieq FC Pawlu kien jagħmel kollox – anke qagħad pass lura meta kien hemm bżonn għax il-ġid tal-club hekk kien jitlob. Dan anke kien għalih sagrifiċċju kbir għax Pawlu lil Żurrieq FC dejjem ħabbu profondament.

Il-kumitat ta’ Żurrieq FC qal b’sogħba li din il-mewta ħasdet lil kulħadd għax ġiet propju fil-mument fejn Pawlu kien għaddej b’ħidma inkreddibli li tassigura li t-tim għal istaġun li ġej ikun aktar kompetittiv. Grazzi għal din il-ħidma kull partitarju huwa persważ li hekk se jiġri fil-futur. 

“Mhux qed nikteb għal dak li kien u għamel Pawlu, imma għal li kien qed jagħmel fil-preżent u għal futur. Qed ngħid hekk għax Pawlu għadu magħna u ħa jibqa’ magħna. Ħidmietu se tkompli għax b’għemilu nissel fina ħeġġa u determinazzjoni dejjiema.

“Pawlu, jien inwegħdek għan-nom ta’ sħabi kollha, li Żurrieq FC se jagħmel ħiltu biex il-ħidma tiegħek tilħaq il-mira l-aktar għolja tagħha ħalli tippremjak kif tassew jixraqlek. L-istess daqslikieku għadek fostna u bl-istess imħabba u radd il-ħajr! Għal dak li għamilt u għal dak li se tkompli tagħmel. GRAZZI MINN QIEGĦ QALBI!

Dino Bonnici, il-President għan-nom tal-kumitat ċentrali, sotto kumitati, players u membri ta Żurrieq FC; temm jgħid li Santa Katarina u l-Madonna tal-Karmnu jilqgħuh fi ħdanhom.