Membri ta’ gang kriminali nstabu ħatja b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop. Ġurija sabet lil Robert Agius, ta’ 41 sena, u l-kollaboratur tiegħu Jamie Vella, ta’ 42 sena, ħatja ta’ kompliċità fl-assassinju ta’ karozza bomba tal-ġurnalista, billi pprovdew l-isplussiv ta’ grad militari li qatilha f’Ottubru tal-2017.
Vella nstab ukoll ħati, flimkien ma’ Adrian Agius, ta’ 46 sena, u George Degiorgio, ta’ 62 sena, tal-involviment fil-qtil ta’ Carmel Chircop, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar hekk kif kien dieħel f’garaxx f’Birkirkara f’Ottubru tal-2015.
Vella, li spara erba’ darbiet, u Degiorgio ġew misjuba ħatja ta’ qtil volontarju, filwaqt li Adrian Agius instab ħati ta’ kompliċità, billi kkummissjona l-qtil. Robert Agius ġie meħlus mill-akkużi relatati mal-qtil ta’ Chircop.
Fil-proċess kriminali kontra Adrian u Robert Agius, Jamie Vella, u George Degiorgio, il-ġurati ħarġu l-verdetti tagħhom għall-ħabta tas-7.10pm. George Degiorgio u Jamie Vella ġew misjuba ħatja tal-qtil volontarju ta’ Carmel Chircop, b’ verdett ta’ 7-2.
Adrian Agius instab ħati ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Chircop 7-2, filwaqt li ħuh Robert Agius ġie meħlus minn dik l-akkuża 6-3. Degiorgio u Vella ġew ukoll ikkundannati 7-2 għall-pussess ta’ arma tan-nar waqt reat u li ġarrew arma mingħajr liċenzja valida.
Fir-rigward tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Robert Agius u Jamie Vella ġew misjuba ħatja 8-1 ta’ kompliċità fil-qtil tagħha, kompliċità fl-isplużjoni li kkawżat il-mewt tagħha u pussess ta’ splussivi perikolużi.
Ebda wieħed mill-avukati ma kkontesta l-verdetti. Il-verdetti kollha ngħataw u ġew aċċettati mill-partijiet kollha fil-kawża. Il-ġurati wara l-kompitu tagħhom marru lura fl-awla tal-qorti. Il-Maġistrat irringrazzjathom u infurmathom li se jkunu eżentati minn servizz ta’ ġurija għall-kumplament ta’ ħajjithom. Il-Qorti se tagħti s-sentenza nhar it-Tlieta li ġej fis-11am.
Għadaqstant il-Qorti Kriminali f’Malta l-Ħamis waslet għal konklużjoni storika f’wieħed mill-aktar ġuri delikati u segwiti fl-aħħar snin, hekk kif ġurija ta’ disa’ persuni waslet għall-verdett tagħha wara sitt ġimgħat ta’ smigħ fil-konfront ta’ erba’ akkużati b’rabta ma’ żewġ omiċidji li ħasdu lill-pajjiż.
Robert Agius u l-assoċjat tiegħu Jamie Vella kienu qed jiġu akkużati li kellhom sehem fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017, billi pprovdew l-isplussiv ta’ grad militari li ntuża fil-karozza bomba li qatlet lill-ġurnalista barra minn darha fil-Bidnija.
L-istess Agius u Vella, flimkien ma’ Adrian Agius u George Degiorgio, ġew mixlija wkoll b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’garaxx f’Birkirkara f’Ottubru 2015.
Il-proċess ġudizzjarju dam sitt ġimgħat, matulhom instemgħu 157 xhud, fosthom membri tal-FBI, il-familjari tal-vittmi u l-eks ministru tal-gvern Chris Cardona. Il-qalba tal-prosekuzzjoni kienet ix-xhieda ta’ Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”, membru tal-istess gang, li ammetta l-involviment tiegħu f’żewġ delitti u pprovda dettalji kruċjali li allegatament jorbtu lill-akkużati mal-każijiet.
Il-ġurija, magħmula minn ħames irġiel u erba’ nisa, għamlet madwar disa’ sigħat deliberazzjoni qabel waslet għall-verdett tagħha. L-atmosfera fil-Qorti kienet waħda tensa hekk kif il-familji tal-vittmi, ġurnalisti u uffiċjali tal-Pulizija stennew bil-ħerqa r-riżultat ta’ ġuri li jaf iħalli impatt storiku fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-pajjiż.
L-erba’ akkużati f’dan il-każ ddaħlu fil-Qorti. Waqt li l-ġurija kienet qed tiddelibera, huma kienu qed jistennew fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn ilhom miżmuma taħt arrest preventiv sa minn meta ġew arrestati fl-2021. Mal-akkużati hemm l-avukati tagħhom.
Dan huwa każ li żamm lil Malta b’ruħha fuq ix-xwiek. Fost in-nies li kienu preżenti jistennew is-sentenza wara proċess ta’ sitt ġimgħat kien hemm missier Daphne Caruana Galizia, uliedha, żewġha u ħutha.
*Akkuża Numru Wieħed: Misjuba ħatja tal-qtil ta’ Carmel Chircop
Jamie Vella u George Degiorgio nstabu ħatja tal-qtil ta’ Carmel Chircop.
Akkuża Numru Tnejn: Kompliċità fil-qtil ta’ Carmel Chircop
Adrian Agius instab ħati ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Carmel Chircop, iżda ħuh Robert Agius instab mhux ħati.:
Akkuża Numru Tlieta: Pussess ta’ arma tan-nar waqt it-twettiq ta’ reat
Akkuża Numru Erbgħa: Li ġarr arma mingħajr liċenzja valida
George Degiorgio instab ħati. Jamie Vella wkoll instab ħati.
Akkuża Numru Ħamsa: Kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Robert Agius instab ħati. Jamie Vella wkoll instab ħati.
Akkuża Numru Sitta: Kompliċità fl-isplużjoni li kkawżat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia
Robert Agius instab ħati. Jamie Vella wkoll instab ħati.
Akkuża Numru Seba’: Pussess ta’ splussivi perikolużi
Robert Agius instab ħati. Jamie Vella wkoll instab ħati.
L-Irwol tal-Avukati
- Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Godwin Cini, Danika Vella, u Anthony Vella, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
- Il-kamp tad-difiża inkluda diversi avukati:
- Adrian Agius: Avukat Nicholas Mifsud
- Jamie Vella: Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia
- Robert Agius: Avukati Alfred Abela u René Darmanin
- George Degiorgio: Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri
- Ir-rappreżentanza għall-familji tal-vittmi:
- Familja Caruana Galizia: Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia
- Familja Chircop: Avukat Vince Galea