Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent, il-Partit Nazzjonalista jkompli jinsisti għal bidla kuraġġuża fil-mod kif nittrattaw l-ambjent naturali tagħna. L-ambjent mhuwiex lussu. Huwa dritt li għandu jingħata prijorità billi jkun protett u rikonoxxut fil-liġi.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jagħmel l-ambjent dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ Malta – mhux bħala ġest simboliku, imma bħala azzjoni konkreta li tirrikonoxxi kif il-benesseri taċ-ċittadini u tal-ġenerazzjonijiet futuri jiddependi fuq ambjent b’saħħtu, protett u aċċessibbli. Kull persuna f’Malta u Għawdex għandha d-dritt tgħix f’ambjent nadif, san u sostenibbli.
Fi stqarrija, Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ambjent; spjegat li ħafna drabi, l-inizjattivi ambjentali li isiru minn Gvern Laburista jsiru bħala miżuri ta’ kumpens; azzjonijiet żgħar u simboliċi biex taparsi jpattu għall-ħsara irreversibbli li tkun diġà ġiet ikkawżata f’postijiet oħra.
Mill-aspett politiku, huwa essenzjali li nitilqu mill-fehma antikwata u limitata li tħares lejn l-ambjent bħala sempliċement ħdura. L-ambjent jinkludi fih firxa wiesgħa ta’ oqsma li huma fundamentali għall-kwalità tal-ħajja tagħna u għall-identità nazzjonali ta’ pajjiżna – bħas-siġar u l-ispazji miftuħa, iz-zoni kostali u l-ibħra, il-wirt kulturali, il-ġestjoni tal-iskart, il-bini, il-bijodiversità, u l-kwalità tal-arja fi mnifsejna.
Governanza ambjentali adattata għaż-żminijiet tal-lum għandha tirrifletti dawn il-kumplessitajiet kollha u aktar. Hemm bżonn ta’ politika estensiva u robusta li tirrikonoxxi b’mod ċar l-ambjent bħala prijorità olistika aktar milli tħares lejh bħala settur iżolat.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li fil-Parlament ikun vuċi għas-sejħa tal-poplu biex ikollna ambjent sostenibbli. Malta jistħoqqilha futur fejn id-drittijiet ambjentali jkunu protetti bil-liġi, fejn jiżdiedu l-ispazji miftuħa u jinżammu f’kundizzjoni tajba, u fejn jitħares il-wirt naturali u kulturali tagħna b’sens ta’ kburija.
//= $special ?>