Kummerċ Lokali

Ħobżna ta’ kuljum, bil-Malti!

Maypole jissieħeb mal-Università ta’ Malta biex jgħallem il-Malti lill-impjegati



Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta ħabbar kors ġdid bi sħab mal-kumpanija Maypole bl-għan li jgħallem il-Malti lill-impjegati barranin li jaħdmu fil-ħwienet.

B’din l-inizjattiva, is-settur privat qed jinvesti bil-qawwi f’taħriġ fl-ilsien Malti. Il-kors, li fih 17-il sessjoni prattika, hu mfassal madwar il-ħtiġijiet komunikattivi tal-impjegati fil-ħwienet. L-enfasi hi fuq il-ħiliet tas-smigħ u t-taħdit iżda jkopri xi elementi bażiċi talgrammatika meħtieġa għall-komunikazzjoni.

Minn din l-inizjattiva se jgawdi kulħadd: il-klijenti jistgħu jinqdew bil-Malti, l-impjegati jagħtu servizz aħjar fuq ix-xogħol u jħossuhom parti mill-komunità, u Maypole taqdi lill-klijentela tagħha aħjar. Il-pubbliku jista’ jgħin billi juri li qed japprezza l-inizjattiva tal-impjegati li jitkellmu bil-Malti. Dan huwa proċess li jieħu ż-żmien tiegħu imma joffri sodisfazzjon kbir u jiftaħ it-triq għal ħbiberiji ġodda.

Il-kors jixhed l-impenn kontinwu tal-Università ta’ Malta li taħdem mill-qrib mal-industrija daqskemm li tadatta t-tagħlim għall-bżonnijiet lingwistiċi tas-soċjetà Maltija. Għoxrin sena ilu, id-Dipartiment tal-Malti beda joffri l-korsijiet tal-Malti bħala Lingwa Barranija. Bdew bi ftit studenti. Maż-żmien komplew jiżdiedu tant li din is-sena iktar minn 800 ruħ qegħdin jistudjaw il-Malti bħala Lingwa Barranija — min b’mod ġenerali u min f’kuntes speċjalizzat, bħall-Malti fil-qasam tas-saħħa.

Waqt it-tnedija tal-kors, Bastjan Debono, Direttur ta’ Maypole, qal li “Mil-lum lill-klijent
ħa nkunu nistgħu naqduh mill-a saż-żeta, għax se nibdew nagħtu taħriġ lill-impjegati barranin
tagħna biex jitgħallmu l-Malti ħalli jkunu jistgħu jintegraw iktar mal-klijentela tagħna. B’hekk,
inkomplu nħaddnu l-kwalità u s-servizz bi tbissima”.

Fi kliem il-Prof. Simon Fabri, il-Prorettur tar-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien, “Bħala Università, aħna kburin ħafna b’din l-inizjattiva ta’ kooperazzjoni li hemm bejn il-kumpanija Maypole u d-Dipartiment tal-Malti biex jingħata dan it-taħriġ lill-ħaddiema barranin li jaħdmu mal-Maypole”.