Lokali

“Il-faqar mhux reat”- Repubblika

Repubblika tesprimi s-sogħba tagħha għat-trattament tal-istat lil persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Dawn huma persuni li huma mċaħħda minn tant bżonnijiet bażiċi li jeħtieġu mogħdrija u għajnuna biex jieklu u jorqdu fil-kenn. Minflok, ġew arrestati u pproċessati b’mod aħrax daqslikieku wettqu reati vjolenti.

Waqt li nifhmu li l-Pulizija aġixxiet fuq il-bażi ta’ liġijiet, nistqarru li pajjiż mingħajr il-ħniena u l-ġenerożità bażika li jieħu ħsieb l-ifqar fih, hu tassew pajjiż mingħajr sens ta’ komunità.

Nappellaw għall-umanità u d-diċenza. U ningħaqdu mal-appelli biex nindirizzaw il-kawżi tal-faqar estrem, mhux nikkastigaw lill-vittmi tiegħu. Dawn il-persuni arrestati u kkundannati lbieraħ huma vittmi ta’ inugwaljanza dejjem tikber, ta’ razziżmu istituzzjonalizzat, u ta’ sistemi ekonomiċi li jisfruttaw lin-nies u mbagħad jarmuhom.

Irridu ngħixu f’repubblika fejn il-liġijiet qegħdin hemm biex jikkastigaw lil min jagħmel ħażin lil għajru u mhux biex iċaħħdu l-libertà lil min ma jifdallu xejn ħliefha. U rridu ngħixu f’repubblika fejn nieħdu ħsieb lill-anqas fostna u fejn ħadd ma jitħalla tant għal rieħu li jispiċċa jkollu jorqod barra u jitkarrab għal loqma ħobż.

Meta nies ikollhom jorqdu barra jkun falla l-istat li obbligat jieħu ħsiebhom u nkunu fallejna lkoll kemm aħna li ma assigurajniex solidarjetà bejnietna.