L-isport hu mezz ta’ żvilupp fiżiku u mentali. U għalhekk għandu jkompli jissaħħaħ id-djalogu mal-isportiv.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ mal-kontinġent Malti li pparteċipa fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra, fejn feraħ lill-atleti Maltin għar-riżultati tajbin li kisbu.
Bernard Grech tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappoġja lill-atleti, u jara li jsir l-investiment meħtieġ fl-isport. Dan filwaqt li Gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar ukoll Ministru dedikat kompletament għall-isport.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, flimkien max-Shadow Ministers David Agius u Bernice Bonello awguraw lill-atleti li jkomplu jgħollu ‘l fuq isem pajjiżna.
Il-kontinġent Malti kiseb xejn anqas minn 56 midalja f’dawn il-Logħob – 13 minnhom tad-deheb. Dan kien l-akbar suċċess, barra minn pajjiżna, fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Il-Kap tal-PN fisser dan is-suċċess bħala tragward importanti għad-dixxiplini rispettivi – u esperjenza unika għall-atleti kollha.