Internazzjonali

Il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti minn 12 il-pajjiż issir effettiva mid-9 ta’ Ġunju

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mill-ġdid ħareġ direttiva kontroversjali li għandha tħalli impatt notevoli għall-industrija tal-ivvjaġġar u l-movimenti tan-nies mill-pajjiżi li spiċċaw, uffiċjalment, fuq ‘lista sewda’.

Fil-fatt, Trump iffirma digriet li jipprojbixxi liċ-ċittadini minn 12-il pajjiż milli jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti… ċittadini li fi kliemu ‘ġejjin minn reġjuni li jimponu theddida għas-sigurtà tal-Amerikani’.

Il-Gvern Amerikan, fl-istess ħin, ilu jwissi dwar azzjonijiet ‘imminenti’ bil-ħsieb li l-Istati Uniti tkun ħielsa minn hekk-imsejħa ‘elementi barranin perikolużi’.

U waqt li l-Afganistan, Haiti u l-Iran qed jispikkaw f’din il-‘lista sewda’, hemm anki seba’ pajjiżi addizzjonali, bħall-Veneżwela u Kuba, li ċ-ċittadini tagħhom qed ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet ‘parzjali’ fir-rigward ta’ vjaġġi lejn l-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, id-direttiva tippermetti wkoll għall-eżenzjonijiet u li japplikaw għall-atleti li jkunu qed jivvjaġġaw biex jieħdu sehem fl-avvenimenti sportivi ewlenin. Eżenti wkoll huma wħud miċ-ċittadini Afgani u barranin b’ċittadinanza doppja li ġejjin mill-pajjiżi li mhumiex affettwati minn din il-projbizzjoni.

Filwaqt li kkonferma l-projbizzjoni għall-barranin partikulari, Trump insista li ‘l-Amerikani ma jridux lil dawn in-nies ma saqajhom’. Dan waqt li hu rrefera għall-attakk tal-Ħadd f’Colorado fejn raġel kien tefa’ l-isplussivi lejn l-attivisti li kienu qed jieħdu sehem f’dimostrazzjoni favur Iżrael ftit ‘il hinn minn Denver. Azzjoni li ħalliet diversi midruba u li fiha l-aggressur instama’ jgħajjat għal ‘Palestina ħielsa’.

Sadanittant, il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti mit-12-il pajjiż partikulari ssir effettiva min-nhar it-Tnejn, id-9 ta’ Ġunju. Dan ukoll skont il-wiegħda li Trump kien għamel waqt il-kampanja elettorali tal-2024 u meta issa mistennija sensiela ta’ sfidi legali għad-direttiva minn diversi entitajiet.

Il-pajjiżi affettwati mill-projbizzjoni…

Mid-9 ta’ Ġunju, mhux se jkunu permessi aktar vjaġġi lejn l-Istati Uniti mill-Afganistan, Myanmar, Chad, il-Guinea Ekwitorjali,  l-Eritrea, Haiti, l-Iran, il-Libja, is-Somalja, is-Sudan u l-Jemen.

Ir-restrizzjonijiet parzjali għall-ivvjaġġar, intant, se japplikaw għall-Burundi, Kuba, Laos, Sierra Leone, Togo, it-Turkmenistan u l-Veneżwela.

Aktar dwar l-eżenzjonijiet….

Minbarra l-atleti mill-pajjiżi affettwati, l-eżenzjoni tal-Istati Uniti qed tapplika anki għall-persuni bil-visas tal-immigranti li jiffurmaw parti mill-minoranzi etniċi u reliġjużi li qegħdin jiffaċċjaw il-persekuzzjoni fl-Iran.

Mal-eżenzjonijiet hemm l-Afgani fil-pussess tal-visas speċjali għall-immigranti u r-residenti fl-Istati Uniti li għandhom id-dokumentazzjoni  xierqa li tintitolahom għal ċittadinanza sħiħa u legali.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump qal li l-lista tal-pajjiżi kapaċi tkun aġġornata u mibdula f’każ li l-Istati konċernati jwettqu ‘riformi materjali biex itejbu l-istatus tagħhom’. Fl-istess ħin, hu ma eskludiex li diversi pajjiżi oħra kapaċi jispiċċaw fuq din il-lista ‘aktar ma jiżdiedu t-theddid (għall-Istati Uniti) minn madwar id-dinja’.