Internazzjonali

In-NATO: L-Istati-membri qed jidhru impenjati biex iġorru piż ħafna akbar tal-ispejjeż għal difiża kollettiva

Il-Ministri tad-Difiża tal-Istati msieħba fin-NATO, iltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu kif għandhom jirreaġġixxu għall-insistenza tal-Istati Uniti biex l-istess pajjiżi jżidu n-nefqa fuq id-difiża b’mod sinifikanti.

U l-impenji minn dawn il-pajjiżi għandhom ikunu analizzati sew minn Washington ladarba l-Alleanza tal-Punent, tlett ġimgħat oħra, tiltaqa’ f’summit biex il-pajjiżi jindirizzaw l-isfidi kbar għas-sigurtà fuq livell internazzjonali.

Il-President Amerikan Donald Trump qed jinsisti biex l-Alleati tan-NATO jżidu l-investiment fid-difiża bl-ekwivalenti ta’ ħamsa fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) għal kull pajjiż…’Il  fuq sew mit-tnejn fil-mija li, attwalment, qed ikunu investiti f’dan il-qasam.

Id-diplomatiċi qed jaqblu li l-Istati Ewropej, alleati tal-Istati Uniti, jifhmu li ż-żidiet rispettivi fl-investimenti għad-difiża huma kundizzjoni ewlenija biex l-Amerikani jibqgħu impenjati għas-sigurtà tal-Ewropa…U biex l-Istati Uniti tibqa’ bħala ‘spalla’ tal-Ewropa, iċ-ċirkustanzi jridu jkunu ideali għal Donald Trump biex ikun jista’ jiddikjara li ‘kien biss grazzi għall-insistenza tiegħu’ li l-pajjiżi tan-NATO daħlu għal spinta hekk qawwija fin-nefqa għad-difiża

Mistenni li Trump għandu joħroġ proprju b’din it-tip ta’ stqarrija waqt is-summit li jmiss tan-NATO, bejn l-24 u l-25 ta’ Ġunju. Dan wara li hu ilu jinsisti biex l-Istati tal-Alleanza jġorru piż ħafna akbar tad-difiża kollettiva milli jiddependu kważi għal kollox fuq l-Istati Uniti.

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth, fl-aħħar sigħat, qal jinsab fiduċjuż li l-Istati membri tan-NATO se jimpenjaw ruħhom b’mod konkret għal nefqa ħafna akbar fuq id-difiża.

U waqt li l-ebda pajjiż – inkluż l-Istati Uniti – għalissa mhu jinvesti ħamsa fil-mija tal-GDP fid-difiża, Pete Hegseth indika li hemm diġà l-progress lejn qbil konkret minn dawn l-Istati.

Wara l-laqgħa ta’ filgħodu għall-Ministri tan-NATO, Hegseth qal li għandu qalbu qawwija ħafna dwar ir-rieda ta’ dawn il-pajjiżi biex iżidu n-nefqa u meta l-Istati qed jidhru qrib ħafna ta’ konsensus  biex in-nefqa titla’ għal ħamsa fil-mija.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO Mark Rutte, min-naħa tiegħu, qal li l-pajjiżi tal-Alleanza jridu jimpenjaw ruħhom aktar minn qatt qabel għad-difiża filwaqt li jġorru piż akbar ta’ din ir-responsabbiltà. Rutte enfasizza li ‘il-pjan ġdid għall-investiment fid-difiża għandu jkun il-qofol tas-summit tan-NATO li jsir lejn l-aħħar tax-xahar f’The Hague, fl-Olanda’.