Il-ġurati fil-verdett tagħhom ikkundannaw lil Jamie Vella u lil Robert Agius bħala ħatja ta’ kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma nstabu ħatja b’mod qawwi mill-ġurati, bi 8 voti kontra 1.
Dan irriżulta fi tmiem il-ġuri li kien ilu għaddej sa minn April.
George Degiorgio u Jamie Vella nstabu ħatja li qatlu lill-avukat Carmel Chircop.
Vella nstab ħati ta’ dan l-assassinju b’7 voti kontra 2. Adrian Agius ukoll instab ħati ta’ kompliċità f’dan il-qtil b’7 voti kontra 2, filwaqt li Robert Agius ġie liberat mill-akkuża b’6 voti kontra 3.
George Degiorgio u Jamie Vella nstabu ħatja b’7 voti kontra 2 li kellhom armi fil-pussess tagħħhom.
Intant, wara l-verdett, George Degiorgio nstema’ jgħajjat fl-awla – għamilt żball kbir, ngħidilkom jien minn fejn ġiet il-bomba.
“Il-Qrati qed jagħmlu xogħlhom”
Fi tmiem dan il-ġuri, il-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr li issa l-Gvern irid jagħmel xogħlu biex jassigura li dak li ġara ma jerġa’ jiġri qatt iżjed.
“Il-Gvern għandu obbligu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Infakkar li l-Partit Nazzjonalista ressaq fil-Parlament Mozzjoni biex dawn jiġu implimentati.”
Hu fakkar li wara li l-Inkjesta sabet li l-klima ta’ impunità li daħħal dan il-Gvern wasslet għall-qtil, il-Gvern għandu obbligu li jimplimenta dawn ir-rakkomandazzonijiet illum qabel għada.
Bernard Grech irringrazzja lill-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija u dawk responsabbli mill-prosekuzzjoni tal-ħidma tagħhom biex issir ġustizzja. Hu esprima solidarjetà mal-familji Caruana Galizia u Chircop.