Il-kunċert ta’ Amedeo Minghi, kunċert li se joffri esperjenza maġika ta’ vjaġġ twil ta’ karriera mużikali b’tant suċċess, se jittella’ nhar is-Sibt, 7 ta’ Ġunju, fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Dejjem eleganti, simpatiku u vuċi li ssaħħrek, il-kantawtur Ruman se jwassal uħud mill-aqwa suċċessi tiegħu li se joħodna lura għall-bidu tal-karriera tiegħu flimkien ma’ tant kanzunetti oħra meħuda minn diversi studio albums, inkluż dak riċenti ‘Anima Sbiadita’. Il-kunċert tiegħu fostna qed isir minn Calypso Radio 101.8.
Iż-żjara tiegħu f’Malta mhix se tkun tal-ewwel. Kull kunċert li ta f’pajjiżna, Minghi dejjem wassal l-anima fl-isbuħija tal-kanzunetti li kiteb quddiem l-ammirazzjoni tiegħu. L-istess se jagħmel nhar is-Sibt f’lejla indimentikabbli u nostalġika.
Il-melodiji ta’ Minghi għandhom sensittività partikulari. Fihom tispikka l-lirika bis-sens maħruġa mill-qalb il-kantawtur.
Amedeo Minghi imwieled Ruma 77 sena ilu, beda l-karriera tiegħu f’nofs is-sittinijiet meta kien qed jipparteċipa f’numru kbir ta’ festivals mużikali. Iddebutta professjonalment fl-1966 bis-single ‘Alla fine’, b’lirika tal-kbir Mogol.
Ir-riżultati kummerċjali diżappuntanti li kellu għall-ewwel kanzunetti tiegħu kif ukoll is-servizz militari ħaduh ‘il bogħod mill-industrija mużikali għal diversi snin. Fl-1973 ħareġ l-ewwel album eponimu tiegħu li kellu kollaborazzjoni mhux ikkreditata ta’ Francesco De Gregori. Fl-istess snin, Minghi beda jikkollabora bħala kompożitur ma’ diversi artisti, fosthom Vianella u Ricchi e Poveri.
Għal żmien qasir f’nofs is-snin sebgħin kien jagħmel parti mill-grupp mużikali bl-isem ta’ Pandemonium, li miegħu rreġistra l-kanzunetta tiegħu ‘L’immenso’ li kienet l-ewwel suċċess reali tiegħu.Wara t-tluq tiegħu minn mill-grupp, Minghi ħareġ album ġdid fl-1980, album li ġab ismu. Hawn beda jaħdem bħala produttur.
Fl-1983 iddebutta fil-Festival ta’ Sanremo bil-kanzunetta ‘1950’, b’lirika ta’ Gaio Chiocchio, li għalkemm ġiet eliminata mill-kompetizzjoni, irriżultat f’suċċess kritiku u sabet postha fil-Hit Parade Taljan. Matul is-snin, ‘1950’ saret waħda mill-klassiċi tal-kanzunetti moderni Taljani, bla dubju tibqa’ waħda mill-kbar tiegħu. Minn dak is-suċċess, Minghi kiber fil-popolarità.
L-albums sussegwenti tiegħu kisbulu aktar segwaċi. Fl-1990, Minghi flimkien ma’ Mietta, il-kantanta li pproduċa, waslu sat-tielet post fil-Festival ta’ Sanremo bil-kanzunetta ‘Vattene amore’ li wara għamlet bosta ġimgħat fil-klassifika Taljana.
Minghi kiteb kanzunetti għal Andrea Bocelli, Mietta, Mia Martini, Anna Oxa, Marcella Bella, Gianni Morandi u Rossana Casale fost oħrajn, u kkompona diversi xogħlijiet mużikali għal films u sensiliet televiżivi, fosthom Fantaghirò (magħruf ukoll bħala Cave of the Golden Rose).
Fil-kunċert ta’ nhar is-Sibt, Minghi ħejja repertorju vast mill-kanzunetti li kiteb u oħrajn li għamlu suċċess lill-artisti oħra Taljani. Ma jonqsux L’immenso, Cantare è d’amore, Notte bella, magnifica, Nessuna pioggia cadrà, Navi o marinai, Decenni, Sognami, Quando l’estate verrà, Io non ti lascerò mai, I ricordi del cuore, Vattene amore, 1950, La vita mia, Un Uomo Venuto da Lontano, Jerusaleme u La speranza flimkien ma’ siltiet mill-album kurrenti ‘Anima Sbiadita’. Probabbli wkoll nisimgħu l-verżjoni ta’ Io che amo solo te (Sergio Endrigo), u Lontano, lontano (Luigi Tenco).
Il-kunċert jibda fid-9pm. Il-biljetti jinkisbu minn www.showshappening.com
//= $special ?>