Lokali

“L-ipokresija grassa ta’ Robert Abela” – PN

Wara l-U-turn tal-aħħar sigħat, issa ħareġ jattakka lill-President Emeritu u eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, waqt li jipprova jnessi l-fatt li l-Labour – dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni – kien ivvota favur il-konċessjoni ta’ Manoel Island

Il-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela jinsab f’kantuniera. U bħalma jagħmel dejjem meta jsib ruħu dahru mal-ħajt, flok jieħu r-responsabbiltà għall-fallimenti tiegħu, wara l-U-turn li għamel fuq Manoel Island, issa bla mistħija ta’ xejn ħareġ jattakka lill-President Emeritu u Eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami – il-bniedem li ta pajjiż Ewropew, demokratiku u stabbli.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-istess Robert Abela li għal ħames snin sħaħ baqa’ sieket u kompletament ċass fuq Manoel Island, issa qed jipprova jitfa’ t-tajn fuq min ilu snin barra mill-politika.

Robert Abela u l-Gvern tiegħu ilhom 12-il sena fil-poter u qatt ma ħadu r-responsabbiltà li jiżguraw li l-obbligi tal-konċessjoni ta’ Manoel Island jiġu onorati kif suppost.

Waqt li jipprova jnessi li l-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni kien ivvota favur il-konċessjoni fis-sena 2000 u fil-Parlament ilbieraħ il-Labour saħanistra pprova jigdeb u jgħid li ma vvutax favur, issa Robert Abela fetaħ attakk sfrenat mimli allegazzjonijiet foloz fuq il-Prim Ministru li fi żmienu kien iffirmat dan il-kuntratt li kien approvat mill-Parlament b’vot unanimu.

Abela l-ewwel qalilna li ma jista’ jagħmel xejn għax dan jiġi jiswa lill-pajjiż il-miljuni.

Ftit wara bidel il-pożizzjoni biex ġie jaqbel ma’ dak li qallu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u ħabbrilna li se janalizza l-konċessjoni biex jara nkisrux il-kundizzjonijiet.

Issa, ilbieraħ, ħareġ jattakka lill-iżviluppaturi u f’daqqa waħda ftakar li meta kien avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar, skont hu, kien waqaf lill-konsorzju għax qal li kien jagħmel li jrid.

Il-poplu jaf min hu min. Jaf min, bejn Robert Abela u Eddie Fenech Adami, mexxa lil Malta ’l quddiem u min tefagħha lura. Jaf ukoll li kieku mhux għall-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech u l-pressjoni li għamel, Robert Abela għadu totalment sieket dwar Manoel Island.

Dan hu fost l-ogħla livelli ta’ ipokresija li qatt rajna fil-politika Maltija.

Jekk Robert Abela jrid ikun ġust mal-poplu għandu jammetti li r-realtajiet inbidlu minn 25 sena ilu ’l hawn u juri wkoll ftit sensittività lejn ir-residenti li jgħixu mad-dawra ta’ Manoel Island li issa xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom bl-iżvilupp il-ħin kollu għaddej madwarhom. Eżatt bħalma qalulu sħabu stess, u li issa –  biex jagħlqilhom ħalqhom – qabbadhom biex janalizzaw il-konċessjoni.

Hu biss Robert Abela li llum iġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li se jsir minn Manoel Island fis-snin li ġejjin. La Eddie Fenech Adami, la l-Oppożizzjoni u lanqas ħadd iktar.

Ladarba diġà għamel U-turn fl-aħħar sigħat, il-Partit Nazzjonalista jistieden lil Robert Abela biex ma jiddejjaqx jagħmel oħra u issa jiddikjara li qed jaqbel ukoll mal-Oppożizzjoni u ma’ dak li jridu d-29,000 ruħ li ffirmaw il-petizzjoni meta qed isejħu biex Manoel Island jinbidel f’park nazzjonali biex jitgawda mill-familji.