Liverpool waqqfu lil Barcelona milli jibdew taħditiet mal-attakkant Kolumbjan tagħhom Luis Diaz. Diaz issieħeb ma’ Liverpool f’Jannar tal-2022 mingħand Porto u għandu kuntratt mar-Reds sal-2027.
Il-plejer ta’ 28 sena jinsab ukoll fil-mira ta’ klabbs mill-Arabja Sawdija. Matul dan l-istaġun, hu skorja 13-il gowl u kellu wkoll seba’ assists fejn rebaħ il-Premier League ma’ Liverpool dan l-istaġun.
F’kummenti mal-midja fejn indirizza dawn l-ispekulazzjonijiet, Diaz qal li jinsab kuntent f’Anfield u lest ukoll li jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Liverpool jekk il-klabb joffrilu.
Intant Brentford irrifjutaw l-ewwel offerta ta’ Manchester United għall-attakkant tagħhom Bryan Mbeumo. Manchester United għamlu offerta ta’ £55 miljun. Ir-Red Devils diġà ħabbru l-akkwist tal-attakkant Brażiljan mingħand Wolves Matheus Cunha.
Minkejja li mhux se jkunu qed jilagħbu f’kompetizzjonijiet Ewropej fl-istaġun li ġej, it-tim ta’ Ruben Amorim jidher li se jkun involut ferm fis-suq tat-trasferimenti.
Fl-aħħar sigħat jidher li Milan laħqu ftehim mal-midfielder Kroat Luka Modric bil-plejer jidher li aċċetta l-kundizzjonijiet tar-Rossoneri u se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>