Lokali

“Ma jagħmilx sens li tkompli tagħmel aktar żvilupp” – Miriam Dalli

Il-Ministru Miriam Dalli, li hi responsabbli mill-ambjent, kienet ċara ħafna f’kummenti li tat lil Net News fejn qalet li ma taqbilx li għandu jsir żvilupp fiz-zona ta’ Manoel Island. Biex b’hekk hi kienet l-unika membru tal-Kabinett li ħarġet kompletament kontra iktar żvillupp – u waqqgħet għal kollox dak li qal il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda.

Il-Ħadd li għadda, Robert Abela qal li f’Manoel Island għandu jsir żvilupp li sejjaħlu ta’ kwalità. Dan meta n-nies qed jappellaw bis-saħħa biex f’din iz-zona jsir Park Nazzjonali.

Intant, fl-aħħar jiem il-Kap tal-Partit Nazzjonalist Bernad Grech, saħaq li Manoel Island għandha ssir park nazzjonali.

Bl-għaqdiet favur l-ambjent jilqgħu din il-pożizzjoni, u jitolbu lill-Gvern biex jiddikjara li se jipproteġi lil Manoel Island minn kull żvilupp, u joħloq park li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.