Lokali Qorti

Mixli fuq ħruq ta’ proprjetà fil-Belt Valletta

Raġel ta’ 36 sena minn Belt Valletta kellu l-ħelsien mill-arrest miċħud fuq akkużi serji ta’ ħruq apposta u theddid b’meżżi elettroniċi. Ir-raġel tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati akkużat b’serje ta’ reati gravi relatati wkoll ma’ assoċjazzjoni kriminali, u theddid.

Il-każ huwa marbut ma’ nirien li seħħew fil-11 ta’ Marzu 2025 fil-Belt Valletta, li kkawżaw ħsarat estensivi f’vettura u proprjetajiet oħrajn fil-viċin, inkluż il-lukanda lussuża Iniala. Skont il-prosekuzzjoni, in-nar seta’ jinfirex malajr minħabba l-post fejn kienet ipparkjata l-karozza tat-tip Ford, u dan poġġa f’riskju proprjetà u ħajjiet ta’ persuni oħra, fosthom klijenti tal-lukanda.

Huwa ġie akkużat ukoll bi ħsara volontarja f’diversi vetturi u proprjetajiet oħra, b’valur ta’ aktar minn €2,500, kif ukoll b’assoċjazzjoni ma’ persuni oħra bil-għan li jitwettaq reat li jista’ jwassal għal piena ta’ priġunerija. Huwa qed jaffaċċja wkoll akkużi ta’ theddid permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u ksur tal-paċi pubblika.

Waqt il-kumpilazzjoni, l-avukati tad-difiża, Matthew Xuereb u Josè Herrera, talbu għall-ħelsien mill-arrest u għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-proċeduri. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dawn iż-żewġ talbiet minħabba s-serjetà tal-akkużi u r-riskju ta’ tfixkil fl-investigazzjonijiet li għaddejjin.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadia Helena Vella, ċaħdet iż-żewġ talbiet tad-difiża, u saħqet fuq l-interess pubbliku fil-każ. Intant, il-prosekuzzjoni talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi, li dwarha l-Qorti mistennija tiddeċiedi fi żmien qrib.