Opinjoni

OPINJONI: Il-waqgħa tal-meritokrazija

Suppost il-meritokrazija hija sistema soċjali fejn is-suċċess u l-pożizzjoni fil-ħajja jiddependu primarjament fuq it-talenti, ħiliet u sforzi individwali u fejn dak li jkun javvanza skont il-merti tiegħu

minn Mark Said

Ħafna minna llum żgur jaqblu li l-mertu m’għadux il-kriterju ewlieni fl-għażla ta’ applikant għal xi kariga, aktar u aktar għal karigi governattivi sensittivi u direttorati.
Huwa minnu li għandna Kumitat Parlamentari li jevalwa l-ħatriet pubbliċi, imwaqqaf fl-2018 u magħmul minn tliet membri min-naħa tal-Gvern, li wieħed minnhom jippresjedi, u żewġ membri mill-oppożizzjoni, bis-setgħa li janalizza l-kandidati qabel il-ħatra skont kif stabbilit fl-Att Dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Biss, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ma jorbtux minkejja li l-iskrutinji huma pubbliċi.
Rajna seduti qabel il-ħatriet ta’ aktar minn persuna waħda nominati għal karigi ta’ profil għoli, li lkoll spiċċaw biex ikunu farsa sħiħa u skambju ta’ tgħajjir u għajjat bejn il-membri tal-kumitat, sakemm fl-aħħar dawk in-nomini jkunu konfermati u ttimbrati mill-membri min-naħa tal-Gvern.

Karigi sensittivi
Daqstantieħor huwa minnu li l-Partit Nazzjonalista kien ippropona li l-Gvern għandu jiskrutinizza lil dawk li jinnomina għal xi kariga pubblika qabel ma jidhru quddiem il-Kumitat Parlamentari, iżda dik il-proposta qatt ma ġiet ikkunsidrata u, fi kwalunkwe każ, ma kienet qatt ser twassal għal xi tibdil sinifikanti ta’ kif dak li jkun jiġi rrakkomandat bħala tajjeb biex jokkupa kariga sensittiva u mħallsa tajjeb.
Lura fil-2013, konna ġejna mwegħda ‘kultura ġdida’ ta’ “meritokrazija”, fejn karigi għoljin u importanti jkunu okkupati, mhux minn min għandu konnessjonijiet jew affiljazzjonijiet politiċi, imma minn min l-aktar ikun ikkwalifikat, irrispettivament minn fejn ġej jew xi twemmin politiku għandu.
Kieku wegħda bħal dik inżammet mill-Gvern attwali, kien ikollna t-tmiem ta’ prattiċi fejn l-aħjar karigi b’setgħat kbar imorru favur l-attivisti u s-simpatizzanti tal-partit Laburista, biex ma nsemmix ukoll in-nepotiżmu rampanti u mixfrux sew li ilna naraw. Biss, kien ċar mill-bidu nett li qatt ma kien ser ikollna titjib f’dak is-sens.
Waħda mill-ikbar problemi li għandhom x’jaqsmu mal-meritokrazija Maltija hija t-tifsira xejn ċara tal-mertu. X’jitqies meritetevoli jiddependi skont x’kwalitajiet huma meqjusa l-aktar importanti li twassal għall-mistoqsija dwar liema mertu huwa l-aktar meħtieġ, inkella, fi kliem ieħor, liema standard huwa l-aqwa standard.
Peress li l-effikaċja ta’ meritokrazija hija msejsa fuq il-presuppost kompetenzi tal-uffiċjali warajha, dan l-istandard ta’ mertu ma jistax ikun arbitrarju u jrid ukoll jirrifletti l-kompetenzi meħtieġa għall-funzjonijiet tagħhom. Imma, allura, dan qed iseħħ f’pajjiżna?

Ippremjati l-integrità u min hu kapaċi
L-integrità tal-kumitat u s-sistema li tevalwa l-mertu ta’ kull individwu huma xi ħaġ’oħra ta’ tħassib. Peress li sistema meritokratika tistrieħ fuq standard ta’ mertu biex jitkejlu u jitqabblu l-kontendenti, is-sistema li biha dan kollu jitwettaq trid tkun żgura li l-mertu minnha assessjat jirrifletti bi preċiżjoni l-ħiliet potenzjali tagħhom.
Kwalitajiet bħalma huma l-inizjattiva, il-kreattività, l-immaġinazzjoni, il-ħsieb konċettwali, il-kurżità, l-isforzi, il-ġudizzju, l-impenn, ir-rieda tajba, ir-riflessjoni etika u sensiela oħra ta’ diżpożizzjonijiet u attribwiti ta’ valur, qegħdin jiġu evalwati u mkejla b’attenzjoni dovuta meta jsiru rakkomandazzjonijiet favur kandidati għal karigi pubbliċi ewlenin?
Waħda mill-ftit ambizzjonijiet li suppost il-politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra għandu jkollhom hija dik li joħolqu soċjetà kompletament meritokratika, jiġifieri soċjetà fejn kull min jagħmilha sal-quċċata jasal hemm biss minħabba t-talenti u ħiliet tiegħu jew tagħha, aktar milli minħabba privileġġi inġusti bħalma huma l-fatt li dak li jkun huwa attivist f’xi partit, xi kandidat li ma jkunx ġie elett, inkella xi ħbiberija ma’ xi ministru jew ieħor.
Teoretikament, kwalunkwe Gvern suppost iħaddan għan komuni li jibni ġerarkija msejsa fuq il-ħila attwali u l-mertu ppruvat, li għandhom jieħdu post dawk bla kwalifiki, esperjenzi jew ħiliet ta’ xejn u li jkunu ngħataw karigi uffiċjali għolja u ta’ responsabbiltà għas-sempliċi raġuni minħabba l-konnessjonijiet politiċi jew familjari tagħhom.
Il-persuni ntelliġenti u b’ħiliet kbar għandhom ikunu ħielsa fl-espressjoni tat-talenti tagħhom u jgawdu minn regoli xierqa u ġusti ta’ kompetizzjoni.

Ħtieġa ta’ bidla fl-amministrazzjoni pubblika
Wasal iż-żmien li tinbidel l-amministrazzjoni pubblika li spiss hija mifnija b’kapijiet u uffiċjali eżekuttivi ewlenin li huma wisq dgħajfa, inkella inkompetenti biex jamministraw.
Mifnija b’awtoritajiet li mhumiex kapaċi jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom, b’assistenti li ma jafux il-prinċipji bażiċi tal-governanza t-tajba u tal-kontabbiltà, u b’impjegati fiċ-Ċivil li huma ferm aktar bravi u kompetenti minn min huwa fuqhom u jordnalhom. Dan l-isfond m’għandux jibqa’ ta’ xkiel biex pajjiżna jikseb progress u jwaqqaf it-triq tar-rigress li ilna li qbadna.
Issa ilna wisq inħaddnu assunzjoni arroganti u bla sens li l-individwi ordinarji jistgħu jerfgħu r-responsabbiltajiet solenni li l-antenati tagħna kienu jħallu, b’ġudizzju għaqli, f’idejn amministraturi kompetenti u ppruvati.

Ippremjati l-lagħqa
Minflok ngħixu f’sistema li tippremja l-mertu, l-ugwaljanza u regoli ġusti ta’ kompetizzjoni, qegħdin ngħixu f’waħda li tippremja dawk li dejjem jgħidu iva, lagħqa u li m’għandhomx il-kuraġġ li l-iswed jgħidulu iswed.
B’din ir-rata, kull istituzzjoni hija vulnerabbli li tispiċċa korrotta u tressaq il-lasti biex tivvantaġġa lill-attivisti tal-partit jew lil dawk li jkollhom xi obbigu, inkella addirittura idjoti u ftit li xejn effettivi f’ħajjithom. In-nepotiżmu, pereżempju, qiegħda ssir bħas-susa li tmermer il-pilastri tal-meritokrazija.
Il-kultura tal-meritokrazija tista’ sseħħ tassew jekk u meta individwi li jistħoqilhom tassew jitħallew javanzaw safejn it-talent u l-ħidma siewja tagħhom jistgħu jwassluhom.
Imma, ovvjament, qatt ma jista’ jkun sistema verament meritokratika peress li l-“mertu” ta’ individwu huwa wisq ikkumplikat u sottili biex jiġi determinat mill-impjieg jew kariga li tokkupa.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1  ta’ Ġunju, 2025.