Opinjoni

OPINJONI – It-2 ta’ Ġunju: Referendum u Prostituti

Il-ġesti simboliċi għandhom impatt qawwi fuq il-psikoloġija kollettiva. Fl-Italja, il-ġest kien Referendum. F’Malta, il-ġest kien li l-poplu jitħalla barra.

minn Mark A. Sammut Sassi

Fit-2 ta’ Ġunju 1945, fl-Italja sar referendum importanti: “Ir-Referendum dwar il-forma istituzzjonali tal-Istat”. Il-poplu Taljan intalab jiddeċiedi jridx il-Monarkija jew ir-Repubblika.
L-Istorja fuqfuq
Kien fl-1870 li l-Italja bdiet teżisti bħala pajjiż magħqud, meta r-Renju ta’ Sardinja għaqqad miegħu l-bosta stati Taljani biex twaqqaf ir-Renju tal-Italja. It-Taljani dakinhar setgħu għażlu li jkunu bħar-Renju Unit (bosta nazzjonijiet taħt Re wieħed) jew bħall-Istati Uniti (bosta stati magħqudin flimkienf’federazzjoni). Minflok għażlu l-forma tar-renju, li fih l-istati ta’ qabel issa saru reġjuni.
Fl-1922, Benito Mussolini, il-Kap tal-Partit Faxxista, mexxa kolp ta’ stat u ħa r-riedni tar-Renju Taljan f’idejh. Mussolini baqa’ fil-gvern sal-1943, meta ħafna bdew iduru kontra tiegħu minħabba fl-andament tal-gwerra. Ir-Re ħatar lill-Ġeneral Pietro Badoglio flok Mussolini, għax b’Badoglio kellu serħan il-moħħ li titkompla l-politika Faxxista. Mussolini telaq lejn it-tramuntana tal-Italja u hemmhekk waqqaf ir- Repubblika Soċjali Taljana, magħmula mill-Italja ta’ Fuq u tan-Nofs. Il-Partit ġdid ta’ Mussolini nbidel f’partit anti-monarkiku u repubblikan.
Meta l-Italja tilfet il-gwerra fl-1945, qam dibattitu sħiħ fil-pajjiż dwar jekk l-Istat Taljan kellux jibqa’ monarkija jonkella jsirx repubblika. Fit-2 taf Ġunju 1946, sar referendum proprju dwar dil-mistoqsija – il-“forma istituzzjonali tal-istat” (dan kien il-kliem użat fir-Referendum) – u 54.27% tal-poplu Taljan għażel li l-Istat Taljan ikun Repubblika. Dil-ġurnata hi waħda mill-aktar importanti għall-Italja kontemporanja utitfakkar b’solennità kbira.

Paragun ma’ Malta
Meta aħna ħadna l-Indipendenza fl-1964, ir-Reġina tal-Ingilterra ssoktat bħala r-Reġina ta’ Malta. Kien imbagħad fl-1974, taħt il-Gvern ta’ Mintoff, li Malta neħħiet il-mudell monarkiku u ħaddnet il-mudell repubblikan. Imma l-qalba minn monarkija għal repubblika ma saritx – kif saret l-Italja – b’referendum popolari. Mintoff fl-1974 sab mezz kif idur mal-liġijiet u jwettaq il-qalba mingħajr ma jitlob la l-fehma u wisq anqas il-kunsens tal-poplu.
Mentri fl-Italja t-twaqqif tar-Repubblika sar b’att ta’ sovranità popolari, f’Malta sar b’att ta’ logħob bir- regoli fil-Parlament. It-2 ta’ Ġunju jġagħalna nirriflettu dwar dan. Mhux dwar l-għan imma dwar kif intlaħaq l-għan.

Effett fuq il-PL
Dak li għamel Mintoff, f’fehmti, niġġes lill-Partit Laburista b’kultura perikoluża: li l-liġijiet ma jiswewx xi grankè. Qegħdin hemm mhux biex jiġu obduti, imma biex jinstab mezz kif wieħed idur magħhom, ħalli tgħaddi r-rieda tal-Gvern tal-ġurnata.
Dan, b’xi mod, jispjega il-ġlieda favur ir-rule of law, li trid li l-obbidjenza tkun lejn il-liġijiet mhux lejn il-volontà ta’ min għandu l-poter f’idejh f’dak il-waqt. Meta fit-2 ta’ Ġunju 1946 lit-Taljani ngħatatilhom il-possibilità li jagħżlu l-forma istituzzjonali tal-Istat tagħhom, it-Taljani bħala poplu fehmu li fl-aħħar mill-aħħar huma s-sovrani tal-pajjiż. Kien naturali, għalhekk, li fl-1993 iħossu li għandhom setgħa politika li bħala poplu jwaqqgħu l-Ewwel Repubblika mibnija fuq il-korruzzjoni, it-tangenti (tixħim), u l-klikek, biex titwelled it-Tieni Repubblika. Dan mill-ġdid sar b’Referendum. (Ma rridx nidħol fil-merti ta’ jekk irnexxiex jew le l-esperiment.)
Il-Maltin, iżda, das-sens ta’ setgħa politika li jtajru lil min hu korrott għadhom ma jħossuhx verament. Għax, fost l-oħrajn, meta seħħet il-bidla mill-Kuruna għar-Repubblika, il-poplu tħalla barra. Bħallikieku l-poplu magħmul mit-tfal u d-deċiżjonijiet l-importanti jeħduhom l-adulti (fil-Parlament).
Il-ġesti simboliċi għandhom impatt qawwi fuq il-psikoloġija kollettiva. Fl-Italja, il-ġest kien Referendum. F’Malta, il-ġest kien li l-poplu jitħalla barra. Fl-Italja tajru l-klassi politika maħmuġa fl-1993 (ukoll b’Referendum). F’Malta, l-affarijiet xort’oħra.

Jum il-Ħaddiema tas-Sess
It-2 ta’ Ġunju hu wkoll il-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema tas-Sess. Jitfakkar il-jum tat-Tnejn, 2 ta’ Ġunju 1975, meta mitt ħaddiema tas-sess (prostituti) Franċiżi daħlu fil-knisja ta’ Saint-Nizier f’Lyon u okkupawha għal 10t ijiem. Il-protesta tagħhom kienet kontra l-politika repressiva tal-pulizija mal-prostituti, u biex jiġbdu l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena li kellhom jaħdmu fihom.
Dil-protesta mmarkat il-bidu ta’ moviment internazzjonali li jissielet għall-jeddijiet tal-ħaddiema tas-sess. Minkejja dil-ħidma kollha, il-prostituti xorta għadhom jinsistu li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ma tjibux. Ngħidu aħna, fl-2011 saret manifestazzjoni f’Dortmund, il-Ġermanja, li fiha l-prostituti reġgħu nsistew li għadhom oppressi bħalma kienu l-prostituti ta’ Lyon fl-1975.
F’Malta, fejn il-poter jinżamm fil-Parlament u, b’differenza mill-Italja, mhux maqsum mal-poplu, is-sitwazzjoni tal-prostituti forsi hi ħarira aħjar minn ta’ pajjiżi oħra. Fl-2021, il-gvern ħadmem qatigħ għat-titjib tal-qagħda tal-prostituti. Saħansitra għamel kampanja biex xogħlhom jitqies leġittimu.
Hu sabiħ tara li f’Malta, fejn il-poter jinżamm maqful fil-Kamra tad-Deputati, il-kawża tal-prostituti hi pperorata b’ħeġġa kbira mill-politiċi. U isbaħ li aktar kmieni dil-ġimgħa, fl-istess jum (it-2 ta’ Ġunju) seħħet ir-rimembranza ta’ Referendum fundamentali fl-Italja (ir-referendum hu l-qsim tal-poter bejn il- klassi politika u l-poplu) u r-rimembranza tal-jeddijiet tal-prostituti.
Meglio di così?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 5 ta’ Ġunju, 2025.