minn Angelo Micallef
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern, permezz ta’ inizjattiva importanti, se jkun qed joffri stabbiltà fil-prezzijiet ta’ madwar 400 prodott ta’ ikel sal-Baġit li ġej.
Stabbiltà li, permezz tagħha, 15-il kategorija ta’ prodotti essenzjali mhux se jkunu qed jaraw il-prezz tagħhom jiżdied għad-disa’ xhur li jmiss, filwaqt li dawn jinbiegħu b’85% tal-prezz li kellhom f’Ottubru li għadda.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Stabbiltà fil-Prezzijiet’, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri..
Kien dan il-kliem użat mill-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista One News meta fit-18 ta’ Jannar 2024, b’pompa kbira ħabbru l-hekk imsejħa skema stabbiltà li kien nieda l-gvern ta’ Robert Abela u li suppost kellha tkun il-bakketta maġika li ssolvi l-problema tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna.
Iżda l-aħħar ċifri qegħdin juru bl-aktar mod ċar li din l-iskema kienet falliment assolut u totali. Fl-Unjoni Ewropea l-inflazzjoni, jiġifieri l-kejl tal-għoli tal-ħajja niżel min 2.2% f’April ta’ din is-sena għal 1.9% f’Mejju ta’ din is-sena. Rata ta’ tnaqqis baxxa iżda li tibgħat sinjal inkoraġanti li l-Unjoni Ewropea tinstab fit-triq it-tajba fejn tidħol l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
F’pajjiżna l-inflazzjoni qegħda fir-rata ta’ 2.6%, għola mill-medja Ewropea u ogħla minn pajjiżi bħal Ġermanja, il-Portugal,is-Slovenja, il-Finlandja, l-Italja u Ċipru.
Wieħed bir-raġun jistenna li l-Prim Ministru kellu jkun umli biżżejjed li jammetti li l-iskema stabbiltà falliet u li allura l-gvern li huwa jmexxi huwa miftuħ għall-ideat tal-istakeholders. Il-Partit Nazzjonalista taħt it- tmexxija ta’ Bernard Grech minn naħa tiegħu ma’ qagħadx ċass jew gallarija imma aktar kmieni din is-sena ressaq proposti ċari u olistiċi biex pajjiżna jibda tassew jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja mill-għeruq u mhux b’atti superfiċjali bħal li nraħħsu l-prezz tal-corned beef.
Imma għal Robert Abela bħal donnu l-pika partiġjana hija bil-wisq aktar importanti milli li sfida nazzjonali li qegħda timpatta tant nies, insibula tarf. L-isfida tal-għoli tal-ħajja m’għandhiex tkun waħda partiġjana. Hija sfida li timpatta lil kulħadd. Timpatta lin-negozjant li qiegħed isib ruħu f’sitwazzjoni li bil-prezzijiet li qiegħed ikollu joffri mhux qed ikun kompetitiv u qed jispiċċa jitlef mill-bejgħ jew għax il-konsumatur jixtri inqas, inkella għaliex il-konsumatur idur għal prodotti mixtrija online minn barra jew prodotti ta’ kwalità inferjuri. Timpatta lill-konsumatur li qiegħed jara d-dħul tiegħu jibqa’ pjuttost staġnat imma l-ispejjeż dejjem jogħlew sabiex b’hekk il-piż finanzjarju jinħass dejjem aktar. Timpatta lill-vulnerabbli li jaraw is-sitwazzjoni tagħhom issir aktar prekarja u aktar imwiergħa. Timpatta lill-ħaddiem hekk kif min iħadem biex forsi itaffi xi ftit mill-impatt finanzjarju jagħżel li jħaddem inqas nies. Hija katina negattiva ħafna u li titħalla mingħajr kontroll jista’ jkollha impatt devastanti.
Imma għal Robert Abela l-importanti huwa li l-Partit Nazzjonalista ma jingħatax raġun u li jibqa’ jinsisti li m’hemm ħadd aħjar minnu. Għal Robert Abela mhux talli m’hemmx lok għal diskussjoni talli l-anqas irid jammetti li hemm problema. Saħansitra jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsija sempliċi tal-ġurnalist ta’ Net News dwar ċifra li dwarha m’hemmx lok għal dibattitu għaliex hija ċifra xjentifika u maħruġa b’mod uffiċjali.
Pajjiżna jixraqlu aħjar. Il-poplu Malti jixraqlu gvern fejn il-kwalità tal-ħajja tkun fiċ-ċentru nett tal-ħidma ta’ dak il-gvern. Pajjiżna jixraqlu Prim Ministru qrib in-nies li jifhem il-weġgħat tan-nies; bħalma jagħmel Bernard Grech. Pajjiżna jixraqlu gvern bi pjan ċar u olistiku. Pjan li jwassal sabiex mhux biss negħlbu din l-isfida imma nerġgħu nibdew il-pass fit-triq meta pajjiżna kien fil-quċċata for all the right reasons.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 5 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>