Lokali

Raġel jitlef ħajtu f’Għawdex wara li sab diffikultà waqt li kien qed jgħum

Emanuel Curmi, pumpier ta’ 34 sena residenti Għajnsielem; tilef ħajtu f’Għawdex wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi ta’ Ras ir-Reqqa – fil-limiti taż-Żebbuġ, Għawdex.

Il-Pulizija marru immedjatament fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel sab ruħu f’diffikultà waqt li kien fil-baħar.

Xi nies li kien hemm fil-viċin taw l-ewwel għajnuna u tellgħu lir-raġel lejn ix-xatt.

Il-vittma minnufih ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza.

Sfortunatament hu kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

ll-Maġistrat Brigitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.