Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Prim Ministru Robert Abela jiskuża ruħu max-Shadow Minister Nazzjonalista Toni Bezzina wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika xejjen l-allegazzjonijiet kollha li għamel Abela fuq id-Deputat tal-PN u ma sab l-ebda irregolaritajiet jew ksur ta’ etika.
Bħalma Robert Abela għamel kampanja sħiħa fil-pubbliku jattakka u jipprova jħammeġ lid-Deputat Nazzjonalista li ma jidħolx għax-xogħol, hekk ukoll issa għandu jagħmel apoloġija pubblika fil-konfront ta’ Toni Bezzina.
L-istess Kummissarju għall-Istandards ma sab xejn lanqas fil-każ ta’ żewġ Deputati oħra tal-Partit Nazzjonalista li dwarhom saru allegazzjonijiet simili mill-Partit Laburista u mill-fazzjoni faxxista fi ħdanu.
Fil-każ tax-Shadow Ministers Ivan Castillo u Robert Cutajar, il-Kummissarju tant ma sab xejn li ddeċieda li lanqas kien hemm lok li jiftaħ investigazzjoni fuq l-ilmenti li tressqu kontrihom.
Anke akkużi simili kontra d-deputat David Agius kienu sempliċi invenzjoni minn naħa tal-Labour.
Fil-każ ta’ Toni Bezzina, kienet saret allegazzjoni li dan mhux jidħol għax-xogħol bħala perit tal-gvern u li għamel xogħol privat waqt il-ħin tax-xogħol. Imma l-Kummissarju għall-Istandards, fir-rapport tiegħu ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, ma sab l-ebda prova li tissostanzja dan u għalaq il-każ.
Il-Kummissarju għall-Istandards innota li la Robert Abela u lanqas Neville Gafà – li kien ressaq l-ilmenti – ma pprovdew xi evidenza biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet li għamlu.
Fil-każ ta’ Robert Cutajar u Ivan Castillo kienu saru akkużi simili imma l-Kummissarju għall-Istandards wasal għall-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda bażi għall-akkużi li saru u ddeċieda li ma jkomplix jinvestiga dawn l-ilmenti.
Dan kollu juri biċ-ċar kif meta jkun dahru mal-ħajt, minflok jindirizza l-korruzzjoni li hu mdawwar biha, Robert Abela jipprova jitfa’ t-tajn fuq ħaddieħor biex idawwar l-attenzjoni minn fuqu. Fil-fatt, l-ilmenti kontra d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista kollha kienu tressqu f’Novembru li għadda fi spazju ta’ ftit jiem, fl-istess ġimgħa meta Robert Abela kien qed jiffaċċja kriżi bla preċedent li wasslet biex kellu jneħħi mill-kariga Ministru ewlieni fil-Kabinett Laburista.
Dan b’rabta mal-każ ta’ frodi li fih inkixef kif Amanda Muscat, il-mara tal-Eks Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, kienet ingħatat impjieg ta’ konsulenza fantażma fil-Ministeru ta’ sieħeb Bartolo, Clint Camilleri. Skandlu li kien wassal biex Bartolo jirriżenja kemm minn Ministru kif ukoll mill-Grupp Parlamentari Laburista. Dwar dan il-każ ukoll saret investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards li sab kemm lil Clayton Bartolo kif ukoll lil Clint Camilleri ħatja ta’ abbuż ta’ poter u ksur tal-kodiċi ta’ etika.
Minkejja li l-Ministru għal Għawdex instab ħati daqs Clayton Bartolo f’dan il-każ, Robert Abela baqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri u ma neħħiehx mill-kariga.