Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ammetta li hedded u kisser id-dar tal-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 42 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u tpoġġa taħt ordni trattament għal perjodu ta’ erba’ snin minħabba li għandu problema ta’ droga wara li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu u li kisser diversi oġġetti fid-dar tal-vittma.

Neville Grech ta’ 42 sena mill-Ħamrun, ammetta quddiem il-Maġistrat Nadia Helena Vella għall-ħabta tat-8am ta’ nhar l-Erbgħa fir-residenza tal-vittma fil-lokalità ta’ Ħal-Qormi, attakka b’mod vjolenti u hedded bil-mewt lill-eks sieħba tiegħu u li ssekwestraha kontra l-volontà tagħha.

L-akkużat li qal lill-Qorti li jaħdem bħala electrician fuq il-vetturi, ammetta wkoll li kkaġuna biża’ fuq il-mara li kienet se tiġi vjolentata minnu u li offendiha. L-argument inqala’ minħabba li allegatament beda jgħir għaliha fejn iffissa li qed tmur ma’ xi ħadd ieħor minn wara dahru.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-koppja kienu ilhom madwar erba’ xhur flimkien. Il-problema tidher li hi li r-raġel ibati mill-paranojja u dan għaliex għandu l-vizzju tal-kokaina. L-argumenti eskalaw tant li waqt li kienet se ġġib xi ħwejjeġ mil-kamra tas-sodda tar-residenza tagħha, sakkarha fl-istess kamra.

Hija għamlet madwar siegħa msakkra u meta ħarġet marret tagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ma’ bintha. Meta waslet lura d-dar sabet kullimkien imkisser. Il-ħsara li wettaq hija ta’ €900 minħabba li kissrilha s-set tat-televiżjoni u l-barbecue.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin biex tiġi protetta l-vittma u ordnat lill-ħati iħallas is-somma ta’ €900 li jridu jitħallsu fi żmien sitt xhur. Il-Maġistrat Vella wissiet biex ma jersaqx lejn l-eks sieħba tiegħu. Hija qaltlu jekk b’xi mod jagħmel kuntatt magħha jaf jiġu kundannat multa ta’ €7,000 u sentejn ħabs.

Għal Grech dehru l-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.