Raġel ta’ 42 sena, residenti Ħal Qormi ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Monica Vella wara li nstab ħati li bejn is-16 u s-17 ta’ Mejju 2021 ħaraq vettura tat-tip Toyota, fi Triq ix-Xatt, Bormla, li hija propjetà ta’ mara.
Abraham Grima nstab ħati wkoll li kkaġuna ħsara volontarja ta’ aktar minn €2,500 fuq l-istess vettura u li kkommetta dan ir-reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation. Il-provi ewlenin waslu permezz ta’ filmati tas-CCTV u Identifikazzjoni.
Il-filmati juru persuna b’hoodie, qalziet three-quarters u landa bil-likwidu – bir-raġel jitfa’ likwidu u jqabbad in-nar fuq vettura. Qabel dan, filmati juru Peugeot 306 ħamra, numru tal-pjanċi jibda b’“1” u jispiċċa b-“5”.
L-investigaturi jidentifikaw il-vettura bħala Peugeot HAO 135, li tgħajjat lill-imputat. Il-vettura kellha karatteristiċi simili ma’ dik tal-filmati – bħal bumpers suwed, aerial miksur u rims partikolari. L-istħarriġ wera li l-mobile tal-imputat kien attiv f’dak il-ħin u kien fl-inħawi.
Ix-Xhieda
Persuna femminili kkonfermat li l-karozza kienet tagħha, iżda kienet tużaha mara oħra. Din tal-aħħar tikkonferma li rat il-karozza tieħu n-nar u li kienet taf lill-imputat bħala ġar preċedenti. Diversi pulizija u esperti kkonfermaw li:
- Il-vettura ġiet spezzjonata u l-mobile elevat
- Fl-inċident intuża likwidu inflamabbli (petrol)
- Instab bott mdewweb u kalzetta sewda fuq il-post
- L-istqarrijiet tal-imputat kienu inkonsistenti u difensivi
- L-imputat qal li kien id-dar, iżda filmati juru moviment tiegħu barra bejn 9:30pm u 1am.
Provi Tekniċi u Forensiċi
Dr. Daniel Vella (espert tan-nirien): ikkonferma l-ħruq tal-karozza u li l-att kien intenzjonat. Keith Cutajar (localisation): il-mobile tal-imputat attiv fl-inħawi fl-istess ħin. Mark Micallef: il-Peugeot 306 spezzjonata hija eżattament dik fil-filmati, u tgħajjat lill-imputat. Espert tal-probation qal li l-ordni ta’ probation kienet għadha fis-seħħ meta seħħ il-każ.
Difiża tal-imputat
Abraham Grima ċaħad l-involviment kollu fejn qal li l-vettura fil-filmati mhix tiegħu, għalkemm identifikata bħala tiegħu mill-esperti. Qal li kien rieqed id-dar, iżda filmati juru li ħareġ u daħal. Ikkonferma li jaf lill-vittma minn qabel, iżda ċaħad xi forma ta’ kunflitt.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset ix-xebh u l-evidenza ċirkostanzjali li tqabbad il-vettura mal-filmati u l-mobile mal-inħawi. Il-fatt li l-imputat kien taħt probation u għalhekk il-gravità tar-reat huwa aggravat. L-istqarrijiet kontradittorji u mhux kredibbli tal-imputat. Il-provi forensiċi u testimonjanza konsistenti minn numru ta’ uffiċjali.
Ai fini ta’ piena din il-Qorti hħsbet fit-tul u kkunsidrat diversi fatturi: Li l-imputat mhux l-ewwel darba li xellef dufrejh mal-ġustizzja. Li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation. Li hu kellu 38 sena meta għamel ir-reat u allura suppost kien persuna matura, li ma kkoperax mal-Pulizija waqt l-investigazzjonijiet, li ma kellux rimors għal dak li għamel u għadu ma ikkompensax lill-vittma.
Fatturi oħra li r-reat hu gravi u li sar fi triq pubblika u fejn hemm diversi residenzi, li hu f’dawn il-proċeduri ma kellu l-ebda difiża x’joffri u ħela ħafna ħin u riżorsi tal-Qorti u tal-Pulizija fost l-oħrajn u li kkopera mal-uffiċjal tal-probation u jidher li jrid jindirizza l-problemi psikjatriċi li għandu.
Il-Qorti, minħabba li hu qed jikkopera mas-servizzi tal-probation u mal-psikjatri, tqis li għandha tagħtih l-aħħar okkażjoni biex hu jindirizza l-problemi li qed jaħkmuh issa li ssupera l-età ta’ 40 sena. Għaldaqstant Abraham Grima instab ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih u ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għall-perjodu massimu ta’ erba’ snin.
Oltrè minn dan, il-Qorti poġġetu taħt Ordni ta’ Trattament għal perjodu ta’sentejn u biex iħallas l-ispejjeż peritali fl-ammont ta’ €2,965.18c. Dawn għandhom jitħallsu fi żmien xahrejn mill-għoti tas-sentenza, altrimenti konvertibbli fi priġunerija skont il-liġi.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati li jħallas il-valur tal-vettura Toyota Yaris bil-valur ta’ kemm kienet tiswa fis-suq fis-sena ta’ meta seħħ ir-reat, valur ta’ €5,500 lill-vittma, mhux aktar tard minn sitt xhur. Il-Qorti rabtet lil Abraham Grima biex ma javviċina bl-ebda mod lill-vittma għal żmien sena.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras.
//= $special ?>