Futbol Sport

Spanja fil-finali wara li għelbu lil Franza, Lamine Yamal għal darb’oħra jisraq ix-xena

(Ritratt: EPA)

Spanja………………5

Franza……………….4

F’partita li offriet disa’ gowls, Spanja, fis-semifinali tal-UEFA Nations League għelbu lil Franza bl-iskor ta’ 5-4 biex b’hekk issa fil-finali ta’ nhar il-Ħadd se jilagħbu kontra l-Portugall.

Għal darb’oħra jisraq ix-xena l-attakkant Spanjol ta’ 17-il sena Lamine Yamal li skorja żewġ gowls f’din il-partita. Bidu mill-aqwa għat-tim ta’ Luis de la Fuente li fetaħ l-iskor wara 23 minuta permezz ta’ Nico Williams. Spanja rduppjaw biss tliet minuti wara, din id-darba kien Mikel Merino li sab ix-xibka b’konklużjoni fil-baxx.

Fit-tieni taqsima, Spanja baqgħu dominanti u ftit li xejn kienet ir-reazzjoni minn naħa tat-tim Franċiż. Fl-54 minuta Spanja għamluha 3-0 permezz ta’ penalty ta’ Lamine Yamal. Pedri għamel l-iskor 4-0 minuta biss wara. Franza naqsu l-iskor fid-59 minuta permezz ta’ penalty ta’ Kylian Mbappe. Fis-67 minuta Spanja reġgħu fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls b’gowl ieħor ta’ Lamine Yamal.

Il-partita kompliet toffri aktar gowls u kien fid-79 minuta li Franza għamluhom 5-2 b’gowl ta’ Ryan Cherki. It-tielet gowl għat-tim ta’ Didier Deschamps wasal fit-85 minuta minn Dani Vivian. Franza skorjaw gowl ieħor u naqsu d-distakk għall-gowl wieħed biss permezz ta’ Randal Kolo Muani.

B’hekk nhar il-Ħadd fit-3.00pm fl-MHPArena fi Stuttgart, il-Ġermanja, se jilagħbu kontra Franza fil-play-off għat-tielet post filwaqt li fid-9pm fl-Allianz Arena, fi Munich, il-Portugall jilagħbu kontra Spanja.