Lokali Qorti

Tnejn akkużati b’rabta ma’ frodi ta’ €165,000 u ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ anzjana

Żewġt irġiel ġew akkużati bi frodi u ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ mara anzjana ta’ 69 sena, bl-ammont totali meħuda minnha kien ta’ €165,000. Fil-Qorti ħareġ li sar trasferimenti bankarji u rigali li jinkludu żewġ arloġġi Rolex u Playstation.

Il-Qorti semgħet każ ta’ flus, donazzjonijiet u suspett ta’ ħasil ta’ flus fejn wieħed mill-akkużati kellu wkoll relazzjoni ta’ mħabba mal-allegata vittma. L-akkużati Alexander Gialanze Whiteford ta’ 42 sena li qal li jaħdem ġo ħanut ta’ tpinġija (tatoos) u li joqgħod is-Siġġiewi, u Andrè Frendo ta’ 33 sena, residenti l-Ħamrun; wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadia Helena Vella. ġie espost każ li jinvolvi trasferiment ta’ ammont sostanzjali ta’ flus kontanti u rigali, allegatament b’rabta ma’ negozju, iżda taħt dell ta’ sospetti dwar ħasil ta’ flus u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien proviżorju.

Il-prosekuzzjoni qalet li t-tifla tal-allegata vittma għamlet rapport mal-Pulizija li ommha tat ammont ta’ €100,000 bħala donazzjoni lil Alexander Gialanze, Whiteford – li jaħdem bħala tattoo artist. Dan l-ammont kien segwit minn €55,000 fi flus kontanti, imqassma fuq diversi jiem permezz ta’ trasferimenti bankarji ta’ €2,400 kuljum minn żewġ banek differenti. Kien hemm €10,000 oħra li ġew maħruġa darba oħra.

Il-flus ingħad li kienu mmirati biex jgħinu fi tnedija għal negozju, u ġew akkumpanjati minn diversi rigali ta’ valur fosthom laptop HP, iPhone 16 Pro, żewġ arloġġi Rolex u console PlayStation. Parti minn dawn il-flus spiċċaw għand Andre Frendo, allegatament permezz ta’ Whiteford li, f’dak iż-żmien, kien qed jiffaċċja sentenza ta’ priġunerija u kien jaġixxi bħala medjatur.

Il-każ eskala meta l-awtoritajiet arrestaw lil Frendo u Whiteford fil-3 ta’ Ġunju, waqt li nħarġet ukoll ordni ta’ ffriżar fuq kont bankarju ta’ Revolut, li jopera minn bank Litwan. Il-prosekuzzjoni argumentat li hemm il-bżonn li l-fondi jiġu ppreservati bħala parti minn investigazzjoni taħt Regolament Ewropew dwar ffriżar ta’ assi.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni, minkejja l-argumenti tad-difiża li l-flus ma kinux indirizzati direttament lill-klijenti tagħhom u li l-għoti tagħhom sar bil-kunsens tal-parte ċivili. L-Avukat Chris Camilleri, wieħed mill-avukati tad-difiża, insista li l-klijent tiegħu għandu kondotta kważi netta u huwa missier ta’ żewġt itfal.

Minkejja dan, il-prosekuzzjoni esprimiet tħassib dwar rapporti ta’ theddid lejn il-parte ċivili, kif ukoll dwar ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien minn wieħed mill-akkużati, u dan fil-konfront ta’ Whiteford. Il-Qorti kienet infurmata wkoll mill-Avukat Charles Mercieca, li parte ċivili ngħatat ukoll karozza permezz ta’ fondi li kienu maħsuba għan-negozju.

Il-każ se jibqa’ għaddej u mistenni li jiġu ppreżentati aktar evidenzi fil-ġranet li ġejjin, hekk kif il-Qorti tiddeċiedi jekk hemmx lok għal proċeduri kriminali sħaħ dwar ħasil ta’ flus, ksur ta’ kundizzjonijiet u trasferiment suspett ta’ fondi kbar.

Frodi li fiha kienet involuta anzjana ta’ 69 sena wasslet biex żvelat każ serju ta’ qligħ b’qerq u ħasil ta’ flus (money laundering). Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Whiteford minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tiegħu.

Fuq naħa oħra, Andre Falzon, ingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Avukat tiegħu stqarr li ma kienx jaf bis-serjetà tal-każ u li spiċċa involut b’kumbinazzjoni, fejn kulma kien qed jagħmel kien li qed iżomm il-flus għax Whiteford kien il-ħabs.

F’ħin minnhom il-Maġistrat Vella wissiet lil Frendo li jekk ma jridx li jitlef il-bail tiegħu, aħjar joqgħod attent u ma joqgħodx iparla fl-awla ma’ sieħbu l-akkużat l-ieħor.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Ritienne Gauci u Conrad Falzon, bl-assistenza tal-Avukati Yvette Borg Cardona u Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Frendo, ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma javviċinax lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, speċjalment lill-imputat l-ieħor, li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija, jiddepożita is-somma ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €,000 u jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa.

Il-Qorti wissiet li kwalunkwe ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ jwassal għar-revoka immedjata tal-ħelsien mill-arrest.